Filmat: Id-diżabbilità ma twaqqafhiex milli tiżfen

Il-ħajja hija mimlija tlajja w inżul u kultant xi ħaġa mhux mistennija tista’ tibdillek ħajtek drastikament. Hemm min isibha diffiċli biex jerġa’ jqum fuq saqajh u hemm min jipprova jsib skop kif jegħleb il-kriżi li jkun fiha.

Dan kien il-każ ta’ Chelsie Hill minn Kalifornja li sa minn ċkunitha kellha x-xewqa li ssir żeffiena. Il-ħolm tagħha bħal donnu sfaxxa mar-riħ meta fl-2010, meta kienet għadha studenta fi skola f’Pacific Grove f’Kalifornja, sfat vittma f’inċident tat-traffiku.

Ritratt: Facebook/ChelseaHill

It-tfajla damet 51 jum l-isptar u spiċċat paralizzata minn qaddha ‘l isfel. Minkejja dan kompliet bl-istudji tagħha biex b’hekk setgħet tiggradwa. Fl-istess waqt, bdiet tagħmel ħbieb ġodda permezz ta’ diversi siti fuq l-internet. Dawn kellhom ħaġa komuni bħalha: dik li jsofru minn xi tip ta’ xi diżabilità.

Kien f’dan l-istadju li lit-tfajla ġietha idea, dik li tibda kumpanija taż-żfin bil-membri kollha jkunu b’diżabbilità.

Minn Kalifornja, it-tfajla marret f’Los Angeles b’determinazzjoni kbira li jirnexxielha wtettaq il-ħolma tagħha. B’hekk twieled The Rollettes, tim ta’ sitt zeffiena li llum il-ġurnata qed jieħdu sehem f’numru ta’ kompetizzjonijiet ta’ żfin u bosta oħrajn b’diżabilità differenti dejjem qed jingħaqdu magħhom għax b’xi mod jew ieħor kollha għandhom x’joffru.

Dan mhux biss. Kull sena qed jorganizzaw summer camp li għalih qed jattendu nies ta’ kull età u diżabilità differenti.

Is-sajf li għadda kien wieħed rekord hekk kif ipparteċipat 173 persuna minn 10 pajjiżi madwar id-dinja.

L-istorja ta’ Chelsie Hill hi waħda ta’ inspirazzjoni għal ħafna u bosta huma dawk li qed ifittxu aktar informazzjoni fuq The Rollettes għax l-istorja ta’ din it-tfajla nisslet fihom id-determinazzjoni li minkejja d-diżabilità tagħhom, jistgħu wkoll jirnexxu.