Filmat: Id-distanza soċjali ressqitna lejn xulxin – Adrian Delia, Newsbook Webinar

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li d-distanza soċjali li ddaħħlet bħala miżura ta’ prekawzjoni kontra l-pandemija tal-coronavirus ressqet lin-nies iktar qrib ta’ xulxin. Insista li t-triq ’il quddiem hi dik tad-diġitalizzazzjoni.

F’messaġġ waqt il-webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar id-dinja wara l-Covid-19, Dr Delia qal li Malta trid taħdem biex tibqa’ fuq quddiem fir-realtà ġdida li ġab il-virus, li fi kliemu kien l-ikbar xkiel imma fl-istess ħin il-motivatur għall-bidla.

Il-Kap Nazzjonalista stqarr li l-perjodu ta’ rkuprar irid jinbena fuq konverġenza nazzjonali, u li l-ebda Gvern mhu se jkun jista’ jaħdem indipendentament minn pajjiżi oħra. Irrimarka li ftit ta’ snin oħra, 70% tal-ħaddiema jkunu self-employed, u li l-Gvern irid janalizza b’attenzjoni f’liema oqsma għandu jinvesti.

“Investiment fis-saħħa jassigura li l-popolazzjoni tkun f’saħħitha u għaldaqstant l-ekonomija tissaħħaħ. Il-mudell ekonomiku jrid ikun ibbażat fuq l-għarfien u l-kreattività biex jinħolqu setturi ġodda. Dawn huma l-isfidi ewlenin li se taffaċċja Malta”, temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, aktar kmieni, il-Prim Ministru Robert Abela staqsa jekk Malta għandhiex tibqa’ tiffoka fuq is-settur tat-turiżmu jew jekk għandhiex timbotta aktar fid-direzzjoni tal-innovazzjoni.

Fil-webinar għadda wkoll messaġġ l-Arċisqof Charles Scicluna li filwaqt li għamel referenza għall-Enċiklika Laudato Sì tal-Papa Franġisku, stqarr li l-ekonomija għandha tkun ibbażata fuq is-sobrjetà u s-solidarjetà.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn