Filmat: “Id-diskussjoni dwar Adrian Delia ma qamitx”

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma qamitx diskussjoni dwaru bħala kap waqt il-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-PN.

Delia qal dan mal-ġurnalisti wara li ntemmet il-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-PN. Wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li saret illum, il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li dak li jingħad fil-Grupp Parlamentari jibqa’ fil-grupp. 

Delia qal li l-laqgħa damet għaddejja siegħa u nofs u li kellhom jipposponuha biex ikunu jistgħu jattendu s-seduta tal-parlament tal-lum. Qal li ma kienx hemm kwistjonijiet li tqajmu dwar it-tmexxija tal-partit u li kien hemm diskussjoni dwar ir-riżultat tal-elezzjonijiet ta’ Mejju.

Fi kliem Delia, jekk il-grupp ma jlestix id-diskussjonijiet sa għada, Delia lest li jibqa’ jlaqqa’ lill-grupp sakemm kull membru joħroġ “b’rieda waħda”.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar l-aspettattivi tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, Delia qal li għadu prematur ħafna biex isir dan.

Dwar ir-riżultat elettorali, Delia qal li l-poplu qed jgħid lill-PN li jekk mhux se jinbidel b’mod serju se jibqa’ fl-oppożizzjoni.

F’rapport dwar l-istat tal-Partit Nazzjonalista (PN), il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) qal li qisu hemm nies fit-tmexxija li jridu jgħinu lilhom infushom u mhux lill-partit. Mal-ġurnalisti Delia qal li ra r-rapport u li se jkun qed jiltaqa’ mal-President tal-MŻPN biex jiddiskutih miegħu.

Filmat: Monique Agius