Filmat: “Id-dinja għatxana għall-paċi” – L-Arċisqof

Read in English.

Id-dinja hija għatxana għall-paċi u għall-ferħ. Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna fil-messaġġ tiegħu tal-Milied.

Mons. Scicluna semma kif ħafna drabi, f’dawn il-ġranet jiftakar fit-talba ta’ San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.” Sostna li tkun xi ħaġa sabiħa dan il-Milied il-poplu jirrifletti fuq din it-talba “sempliċi” imma profonda tal-qaddis Malti. Appella sabiex kulħadd iħares lejn Ġesù tarbija u jgħidlu “għandna bżonnok biex tgħallimna kif inħobbu lil xulxin, għandna bżonnok biex tgħallimna nagħżlu t-tajjeb f’ħajjitna, għandna bżonnok biex tgħallimna u tgħinna naħfru lil xulxin.”

Qal li jinnota b’ferħ kbir li fid-djar tal-poplu Malti għad hemm għożża għall-presepju. Fakkar kif kien San Ġorġ Preca stess li xtaq li f’kull dar ikun hemm presepju ċkejken. Hu kien iħeġġeġ lill-katekisti tal-M.U.S.E.U.M. sabiex fil-Milied jagħtu grotta, Bambin, jew presepju żgħir lil kull tifel u tifla li jmorru għall-katekeżi fl-oqsma tagħhom, biex jeħduh magħhom id-dar. L-idea ta’ San Ġorġ kienet sabiex kulħadd jiftakar dwar is-sinifikat profond tal-Milied.

L-Arċisqof għamel referenza għal diskors tal-Papa Franġisku fejn tkellem dwar il-personaġġi li hemm fil-presepju. Spjega li l-Papa jgħid li l-ħolqien kollu jadura l-misteru tat-twelid tal-Mulej, tal-iben ta’ Alla li sar bniedem.

Lil dawk li jħossuhom imtaqqla minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, Mons. Scicluna stedinhom sabiex jersqu lejn il-maxtura tal-Mulej u jgħidlu talba profonda u ħerqana. Intant qal li jekk hemm xi ħadd li huwa ferħan u għandu għaliex jifraħ, j’alla l-ferħ tiegħu jkun jista’ jqassmu mal-proxxmu tiegħu.

Temm b’appell sabiex kulħadd jiftakar li twieled il-Prinċep tal-paċi u l-paċi tal-qalb hija l-ikbar rigal u l-ikbar barka li hu jawgura lil kulħadd.