Filmat: “Id-deċiżjoni tal-PN bagħtet messaġġ qawwi lil persuni b’diżabbiltà” – Cutajar

Read in English.

Wara li ġie approvat b’mod unanimu bħala kandidat għas-siġġu parlamentari ta’ David Stellini, Kevin Cutajar qal lill-ġurnalisti li d-deċiżjoni li ħa l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista bagħtet messaġġ qawwi lil persuni b’diżabbiltà.

Dan qalu wara li ntemmet il-laqgħa ta’ dalgħodu fejn sostna li hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir li ngħata l-privileġġ li jservi lill-poplu Malti u Għawdxi. Qal li hija xi ħaġa sabiħa li llum il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jħalli s-siġġu Għawdxi lill-Għawdxin. Qal li din il-ġimgħa ra għaqda kważi totali bejn l-Għawdxin kollha u qal li hija xi ħaġa ta’ min jitgħallem minnha.

Aqra: Kevin Cutajar approvat b’akklamazzjoni

Temm b’appell fejn sostna li d-diżabiltajiet mhumiex kollox iżda meta wieħed jagħmel użu mill-abbiltajiet tiegħu jista’ jasal u jieħu s-sodisfazzjonijiet tal-ħajja. Qal li dan l-irwol mhux biss privileġġ iżda wkoll responsabbiltà.

“Ma nħarisx lejn Kevin bħala persuna b’diżabbiltajiet” – Delia

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li ma jħarisx lejn Kevin Cutajar bħala persuna b’diżabbiltajiet, iżda bħala persuna b’abbiltajiet li sa issa diġà wasslu għal għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar li Clyde Puli ċempel lil għadd ta’ persuni biex jara hux se jikkontestaw għas-siġġu parlamentari, Delia sostna li Puli kien qed jagħmel id-dover tiegħu u informa lil dawk kollha eliġibbli li jekk xtaqu setgħu jikkontestaw.

Aqra: Jikber l-appoġġ għal Kevin Cutajar

Sostna li wara d-deċiżjoni tal-lum il-partit hemm bżonn isib fejn hu l-aktar f’saħħtu u jara kif permezz ta’ grupp magħqud, jimxi ‘l quddiem.

Meta mistoqsi għaliex Cutajar ma ngħatax is-siġġu mill-ewwel, Delia qal li kien hemm elezzjoni. Staqsa jekk jagħti tweġiba għal din il-mistoqsija x’se tnaqqas jew iżżid mill-mertu li għandu Kevin. Qal li l-partit jemmen bi proċess demokratiku fejn issir elezzjoni u d-deċiżjoni tittieħed mill-membri u l-mexxejja.

Bosta jgħaddu l-awgurju tagħhom lil Cutajar

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN (FOIPN) feraħ li Cutajar u sostna li tassew jixraqlu li jkun fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż hekk kif minkejja d-diżabbiltà tiegħu dejjem iħares ‘il quddiem u jistinka biex jgħix ħajja indipendenti u jservi lis-soċjetà.

Dr Kevin Cutajar: Il-Membru Parlamentari ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Awguri mill-qalb u merħba fil-Grupp Parlamentari tal-PN.Is-sewwa jirbaħ żgur.

Posted by Karol Aquilina on Saturday, June 8, 2019

JIRBAH IS-SENS KOMUN – ISSA SER NAHDEM BIEX JINGHATA L-GHAJNUNA LI JIXRAQLU MILL-ISTAT.Is-sens komun rebah u Kevin…

Posted by Chris Said on Saturday, June 8, 2019

Il-Kulleġġ tal-Kandidati tal-PN (KKPN) feraħ lil Cutajar, eks membru tal-KKPN. Il-Kulleġġ qal li jemmen li l-għażla ta’ Cutajar tibgħat messaġġ b’saħħtu għal kull min jixtieq jidħol fil-politika. Il-KKPN qal li l-PN għandu jibda jipprepara l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.