Filmat: “Id-Dar tal-Providenza hi fil-qalba tal-Knisja li tħabbat bl-imħabba” – L-Arċisqof

30 siegħa maratona b’risq id-Dar tal-Providenza

Posted by 103 on Thursday, December 31, 2020

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-Dar tal-Providenza hija fil-qalba tal-Knisja li tħabbat bl-imħabba.

L-Arċisqof qal dan waqt kollegament li għamel tul il-maratona ta’ 30 siegħa fuq 103 Malta’s Heart, ippreżentata mill-maniġer tal-istazzjon Arthur Caruana, flimkien mal-preżentaturi Ronald Briffa, Ian Busuttil Naudi u Jes Saliba.

Fl-intervent tiegħu, Mons. Scicluna qal li d-Dar tal-Providenza mhux biss hi monument għall-‘profeta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li waqqafha, iżda għall-poplu Malti. Skontu, ir-residenti u l-istaff tar-residenza huma xhieda li l-messaġġ ta’ Kristu hu wieħed attwali u konkret – li jwassal l-imħabba mingħajr ma jħares lejn l-uċuħ.

Fisser li r-residenti tad-Dar tal-Providenza u r-residenzi l-oħra tagħha huma teżor. Stqarr ukoll li d-Dar tal-Providenza hi abbinata ma’ isem l-istazzjon, 103 Malta’s Heart, għax hija propju fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin.

Għaldaqstant, l-Arċisqof appella lil kulħadd biex jgħin kif jista’, għax kull qatra tgħodd.

Waqt dan il-kollegament tħabbar li s-somma telgħet għal €23,448.

Tul il-maratona, qed jikkontribwixxu diversi nies, uħud b’messaġġi u appelli għad-donazzjonijiet, oħrajn b’divertiment.

Fosthom kien hemm l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, Fr Martin Micallef li jmexxi d-Dar tal-Providenza, u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Għada se jkun hemm il-Festa ta’ Ġenerożità għaddejja, maratona minn 12pm sa 12am b’risq id-Dar tal-Providenza. L-Arċisqof qal li kull sena, għalih hija barka li jibda s-sena hemmhekk, fejn l-imħabba hija mħabba konkreta.

Kif tista’ tgħin din is-sena?

  • Segwi 103 Malta’s Heart sa 12pm tal-Ħamis, 31 ta’ Diċembru
  • Segwina LIVE billi tagħfas hawn
  • Agħti donazzjoni billi tagħfas hawn
  • Ċempel fuq 5160 2012 biex tagħti donazzjoni ta’ €10 (VO 1066)
  • Ċempel fuq 5180 2014 biex tagħti donazzjoni ta’ €25 (VO 1066)
  • Ibgħat SMS fuq 5061 8922 biex tagħti donazzjoni ta’ €7 (VO 1066)