Filmat: ​”Iċ-ċivil għandu jittratta lil kulħadd l-istess” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li s-servizz ċivili għandu jitratta lil kulħadd l-istess.
Huwa enfasizza dan waqt il-laqgħa li kellu mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, mal-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) Jeffrey Curmi , mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, u mas-Segretarji Permanenti l-oħra, hekk kif illum laqa’ diversi persuni distinti fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta.
Fi kliem l-Arċisqof, minbarra l-ġlieda kontra l-kriminalità hemm il-ġlieda biex  fiċ-ċivil ikun hemm ethos ta’ governanza li titratta liċ-ċittadini l-istess, mingħajr ma tħares lejn uċuħ.
Min-naħa tiegħu, Cutajar stqarr li din is-sena kienet waħda impenjattiva għall-Korp Ċivili minħabba l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Elezzjoni Ġenerali li seħħew fl-istess sena. Qal li s-sena d-dieħla se tkun waħda ta’ sfidi wkoll.
Filwaqt li rringrazzjahom għax-xogħol siewi tagħhom, Mons. Scicluna rrimarka li l-poplu jkun jixtieq jinqeda mis-servizzi li joffru u jkun pront jilmenta meta s-servizz li jistennew ma jingħatax.
“Id-dover tagħkom li tipproteġu liċ-ċittadin fil-konfront tal-awtoritajiet”
Mal-Ombudsman, l-Avukat Ġenerali u l-Awditur Ġenerali, l-Arċisqof qal li jridu jkollhom l-appoġġ waqt li jwettqu d-dover tagħhom, li jipproteġu liċ-ċittadin fil-konfront tal-awtoritajiet. Irringrazzja lil dawk preżenti li jaraw li l-Gvern ikun kontabbli f’xogħlu.

“Il-Qrati huma tal-ġustizzja u mhux tad-dritt”
Waqt laqgħa mal-Membri tal-Ġudikatura, l-Imħallef Joseph R. Micallef, li kien qed jirrappreżenta lill-Prim Imħallef, qal li l-membri tal-ġudikatura jippruvaw ikattru l-idea tal-maħfra u li wieħed jipprova jara lil Kristu fil-proxxmu.
L-Arċisqof qal li japprezza meta l-Ġudikant jagħraf iżomm l-ekwilibriju bejn il-ġustizzja u l-ħniena. Stqarr li l-Qrati huma tal-ġustizzja u mhux tad-dritt.  Semma kif fit-taqsima tal-Qorti Kriminali, jifhem li ma jiddependix mill-membri tal-Ġudikatura li l-faċilitajiet korrettivi jkunu tassew korrettivi.

L-Arċisqof ippreżenta replika tal-istatwa ta’ Kristu Re fl-ewwel ċentinarju tal-inawgurazzjoni tagħha lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Ippreżenta wkoll statwa oħra lill-Imħallef Micallef biex titpoġġa fil-Qorti ta’ Malta u oħra lill-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li mitt sena ilu ġie inawgurat monument ta’ Kristu Re bħala tifkira tal-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta f’April tal-1913.
L-istatwa kienet ġiet iddisinjata mill-artist Malti Antonio Sciortino.