​Filmat: “Iċ-Ċileni qed jistennew id-deċiżjoni tal-Papa” – Missjunarju Malti fiċ-Ċili

Is-saċerdot Malti li huwa missjunarju fiċ-Ċilì, Dun Henry Balzan, qal li l-poplu taċ-Ċilì qed jistenna biex jara x’se tkun id-deċiżjoni tal-Papa wara li 34 Isqfijiet Ċileni offrew ir-riżenja tagħhom.
Fl-ewwel laqgħa bejn il-Papa Franġisku u l-34 Isqof Ċilen biex jiddiskutu l-isfidi li qed taffaċċja l-Knisja fiċ-Ċilì b’rabta ma’ abbuż sesswali mill-kleru, il-Papa talabhom biex iqattgħu 24 siegħa jitolbu, jirriflettu u jimmeditaw fuq temi speċifiċi li pprovdielhom.  Dawn it-temi ma ġewx ippubblikati.
L-34 Isqof Ċilen li kienu fil-Vatikan għal laqgħat mal-Papa matul din il-ġimgħa dwar l-iskandlu tal-abbuż sesswali fiċ-Ċilì offrew ir-riżenji tagħhom.
Dun Henry Balzan qal li ħafna affarijiet mil-laqgħat kienu sigrieti imma li ittra li l-Papa bagħat lill-Isqfijiet ġiet leaked.
Hu kien qed jitkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM.
Dun Balzan qal li din l-ittra kienet pjuttost iebsa u li tagħmel referenza għar-rapport li ħejja l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna. Fakkar li meta tħabbar li l-Arċisqof kien se jinvestiga l-każ, in-nies ħassew li s-sitwazzjoni kienet se tissolva.
Qal li hemm stennija li jitkeċċew l-erba’ Isqfijiet prinċipali b’rabta mal-każ. Spjega li d-deċiżjoni finali se tkun f’idejn il-Papa Franġisku.
Dwar l-apoloġija li kien għamel il-Papa, fejn qal li jħoss mistħija u weġgħa għall-mod żbaljat li bih evalwa s-sitwazzjoni fiċ-Ċilì, Dun Balzan qal li r-reazzjoni fiċ-Ċilì kienet waħda favur il-Papa. Qal li l-Papa deher bħala persuna umli u kuraġġjuża. Stqarr li min-naħa tal-vittmi, dawn issa qed jistennew li l-Papa jgħaddi mill-kliem għall-fatti.
Skont Dun Henry Balzan, din is-sitwazzjoni mhux se tintemm malajr.
Qal ukoll li għadu mhux magħruf x’se jiġri mill-Kunsill tal-Kardinali (C9). Dan għaliex il-Kardinal Francisco Javier Errázuriz Ossa li huwa l-Arċisqof Emeritu ta’ Santiago fiċ-Ċilì jagħmel parti minnu. Spjega li dan il-kunsill jiltaqa’ biex jippjana r-riforma tal-Knisja.
Ritratt: Reuters