Filmat: Ian Borg x’qed jgħid dwar Keith Schembri?

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li meta Keith Schembri kien għadu Chief of Staff tal-Prim Ministru kien jaħdem miegħu speċifikament f’dan l-irwol. Żied jgħid li Schembri kien l-għażla tal-Prim Ministru u l-kabinett ried jaħdem id f’id mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Borg kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt ftit tal-minuti wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru.

Mistoqsi x’kien qed ifisser l-MP Robert Abela b’li kiteb fuq Facebook, u jekk kienx qed jirreferi għal xi patt bejnu u bejn Keith Schembri, Borg sostna li din il-mistoqsija aħjar issir lil Abela stess. Dr Abela ddikjara “li ma jien lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija, u nbigħ lil pajjiżi u lill-Partit Laburista u l-Laburisti ġenwini, kollox mgħotti wara l-iskuża falza tal-għaqda”.

Newsbook.com.mt kien żvela li Keith Schembri kien qed imexxi l-kampanja ta’ Ian Borg għal mexxej tal-Partit Laburista. Sorsi qrib il-PL kienu qalu li mhux eskluż li r-rivalità bejn Borg u Robert Abela għandha l-għeruq tagħha f’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tibni uffiċċju legali fi ħdan l-Awtorità u b’hekk jinqala’ l-barra l-uffiċċju legali ta’ Robert Abela li kien jagħmel xogħol ta’ eluf ta’ ewro għall-Awtorità. L-Awtorità tal-Ippjanar tibqa’ fir-responsabbiltà politika ta’ Ian Borg.

“Id-Deputat Prim Ministru deċiż aktar tard”

Borg kompla jgħid li Fearne għadu kemm ħabbar il-kandidatura tiegħu għal Mexxej tal-PL u li ftit wara esprima l-appoġġ tiegħu lejn din il-kandidatura.

Mistoqsi jekk hux interessat fil-kariga ta’ Deputat Prim Ministru, ladarba din tiġi vakata jekk Fearne jiġi elett Prim Ministru, Borg qal li bħalissa hemm biss kariga waħda vojta, li hija dik ta’ mexxej. Hu baqa’ ma kkonfermax jekk ikunx interessat f’dan l-irwol iżda tenna mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lil Fearne.

Intant appella sabiex kull persuna li tħossha denja li tista’ tmexxi l-partit b’mod b’saħħtu għadha tersaq ‘il quddiem fil-ġranet li ġejjin. Sostna li għandu jkun hemm elezzjoni demokratika fil-partit.

Ġurnalista: Monique Agius; Filmat: Miguela Xuereb