Filmat: Ian Borg ilaqlaq dwar Keith Schembri

Il-Ministru Ian Borg deher viżibilment skomdu meta wieġeb dwar in-nuqqas ta’ Keith Schembri li jwieġeb fil-Qorti lbieraħ.

Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, il-Ministru Ian Borg qal li huwa jaqbel mad-deċiżjoni ta’ Schembri li x-xhieda tiegħu dwar il-kumpanija 17 Black jagħtiha fil-magħluq f’inkjesta maġisterjali. Il-Ministru Ian Borg qal li la darba l-inkjesta tkun konkluża din tkun pubblika.

Il-Ministru Borg kien qed iwieġeb wara li ħareġ minn konferenza dwar il-merkanzija fejn suppost kellu jattendi wkoll il-Ministru Konrad Mizzi. L-organizzaturi ma qalux għaliex ma attendiex.

Ian Borg ma weġibx meta ntalab jikkummenta dwar il-fatt li l-Maġistrat talab lil Keith Schembri jwieġeb fil-każ tal-libell li nstema lbieraħ fil-Qorti. Il-Maġistrat Victor Axiaq ilbieraħ ordna lil Keith Schembri biex iwieġeb il-mistoqsijiet u fakkru li jekk ma jagħmilx dan jista’ jkun hemm sanzjonijiet.

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu. Schembri kien mistenni jixhed dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj, bħala parti minn libell li fetaħ lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, fuq allegat tixħim fl-2016.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

Aqra: The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.