Filmat: Huwa fl-irwol ta’ akkademiku li jwassal messaġġi importanti – Prof. Mallia

Read in English.

Huwa fl-irwol ta’ akkademiku li jwassal messaġġi importanti li anke jikkritikaw dak li qed isir fis-soċjetà. Dan qalu l-Professur Ġorġ Mallia li huwa il-Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta. Dan qalu waqt intervista li saritlu minn Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart.

Prof. Mallia huwa magħruf bħala cartoonist fejn permezz tat-tpinġija tiegħu jikkummenta fuq punti importanti li jħoss li għandha titqajjem diskussjoni fuqhom fis-soċjetà. Hu spjega kif l-imħabba tiegħu għal din it-tip ta’ arti bdiet minn meta kien żgħir u minn dejjem serviet għalih bħala mod kif jesprimi ruħu.

“Dejjem dejjem kelli opinjoni u l-arti hija l-mod kif inwassalha,” spjega Prof. Mallia. Il-komiċi tiegħu jxerridhom permezz ta’ Facebook fejn kemm-il darba rnexxielu jqajjem diskussjonijiet dwar suġġetti importanti. Irrimarka li d-dinja tal-lum saret waħda aktar viżiva u l-moħħ sar jikkonsma aktar stampi milli l-kitba.

Hu tkellem dwar l-importanza tal-vuċi tal-akkademiċi tal-pajjiż. Sostna li l-akkademiku huwa ħassieb professjonali, riċerkatur u bniedem kurjuż. Sostna li ma jistax xi ħadd ikun akkademiku jekk jingħalaq ġo bozza u jżomm il-ħsibijiet tiegħu għalih. Qal iżda li sfortunatament m’hawnx ħafna akkademiċi fil-pajjiż. Insista li hekk kif hu jaqsam l-opinjoni tiegħu, li dejjem tkun ibbażata fuq riċerka attwali, mela l-kuxjenza tiegħu tibqa’ kalma.

Irrimarka li persuna waħedha ma tistax tinfluwenza b’mod dirett. Iżda permezz tal-kliem ta’ persuna waħda xi nies jistgħu jiġu influwenzati u dan jinfluwenzaw grupp akbar ta’ nies u jkun hemm dik li jsejħulha “ripple effect”. Qal li dan jaraha fil-cartoons tiegħu stess fejn ikun hemm mijiet ta’ persuni li jagħmlu share tal-comics tiegħu fuq il-paġni ta’ Facebook tagħhom.