Filmat: Ħu Adrian Delia jirriżenja minn kunsillier mal-PN

Posted by Anthony Delia on Thursday, October 8, 2020

Read in English.

Ħu Adrian Delia rriżenja minn kunsillier mal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar wara dik li sejħilha elezzjoni “ta’ eliminazzjoni.”

Anthony Delia ġie elett kunsillier f’San Pawl il-Baħar is-sena li għaddiet f’isem il-Partit Nazzjonalista, iżda ddeċieda li ma jibqax jirrappreżenta lill-PN wara li ħuh Adrian Delia tilef l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista s-Sibt li għadda. It-tesserati, minflok, eleġġew lil Bernard Grech.

F’filmat li xerred fuq Facebook illum ħu Adrian Delia qal li kien evidenti li ma saritx elezzjoni demokratika imma elezzjoni ta’ “eliminazzjoni ta’ kap eżistenti.” Skontu, il-Partit Nazzjonalista m’għadux l-istess wieħed li kkontesta miegħu s-sena l-oħra, għax m’għadux iħaddan l-istess demokrazija.

Huwa qal li se jibqa’ kunsillier, iżda wieħed indipendenti, u appella lin-nies biex javviċinawh, speċjalment dawk li ma jħossuhom komdi fl-ebda partit. Qal li issa, ix-xogħol se jagħmlu b’aktar impenn u enerġija.

Fl-ewwel intervista tiegħu wara li tilef l-elezzjoni, Adrian Delia stqarr li beħsiebu jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Minkejja li qal li ma jispekulax dwar x’jista’ jkun l-andament ta’ ebda elezzjoni, Delia qal li ma stenniex it-telfa. 

Ħu Delia mhuwiex l-uniku wieħed li ħalla l-Partit Nazzjonalista wara li Bernard Grech ġie elett Kap, għaliex kien hemm diversi kunsilliera oħra li għamlu dan, fosthom Louise Tedesco u Doriana Portelli.

Meta ġie mistoqsi fuq dawn ir-riżenji, Delia qal li r-riżultat huwa “ċar daqs il-kristall u ma nbidel xejn minnu.”