Filmat: Ħsarat fit-triq ħdejn Bieb il-Bombi

Għandha titranġa fil-jiem li ġejjin

Read in English.

Żviluppaw ħsarat f’parti minn Triq Nazzjonali, it-triq li tgħaddi minn taħt Bieb il-Bombi.

Kelliem għal Infrastructure Malta (IM) qal lil Newsbook.com.mt li fil-jiem li għaddew żviluppat ħsara f’medda qasira ta’ asfalt f’parti minn korsija għall-karozzi tal-linja. Din il-biċċa tinsab madwar 100 metru minn Portes de Bombes.

“Din il-ħsara f’wiċċ it-triq hija skedata li titranġa fil-jiem li ġejjin, malli t-temp jippermetti,” qal il-kelliem.

Il-kelliem spjega li meta tirċievi rapporti ta’ ħsarat mill-pubbliku, il-periti u t-tekniċi tal-aġenzija jżuru l-post indikat sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa mill-aktar fis. Ikun hemm sitwazzjonijiet fejn l-ewwel isir xogħol ta’ rimedju temporanju sabiex jitneħħa xi periklu u mbagħad isiru tiswijiet aktar permanenti.

Persuni li jinnutaw ħsarat jew diffikultajiet oħra f’toroq ewlenin jistgħu jirrapurtawhom lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, bl-imejl fuq info.im@infrastructuremalta.com, permezz tas-sit www.infrastructuremalta.com jew permezz tal-Facebook, Instagram, jew Twitter.