Filmati: 20 immigrant arrestat b’rabta man-nirien fil-Marsa

Aġġornat 07:39 AM

Read in English.

20 immigrant ġew arrestati wara li nstab li dawn “ħadu sehem fi nkwiet” fil-kumpless tal-immigranti fil-Marsa, li wassal biex kien hemm nirien u dħaħen qawwija.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li wieħed mid-dormitorji allegatament ingħata n-nar, li mbagħad infirex għall-gym. Il-Pulizija spjegat li numru ta’ immigranti bdew ikissru parti mid-dormitorju ewlieni, li mbagħad inħakem min-nirien.

L-20 immigrant ittieħdu l-lock-up tal-pulizija.

11-il ħaddiem taċ-Ċentru kellu jingħata kura medika, u anke tliet immigranti minħabba d-duħħan li belgħu. Ħadd ma ttieħed l-isptar għal iktar kura.

Infetħet inkjesta fuq il-każ immexxija mill-Maġistrat Victor Axiak.

X’konna nafu qabel?

Bħalissa hemm nirien u dħaħen kbar fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa. L-immigranti li joqogħdu fiċ-Ċentru ġew evakwati u hemm għadd kbir ta’ pulizija u uffiċjali tal-RIU u tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-post.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li lilhom daħlilhom rapport dwar dan fis-1.10pm.

Għadu mhux magħruf xi kkawża n-nar. Uffiċjali tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin fuq il-post biex jikkontrollaw in-nirien.

Skont rapporti tal-midja, in-nirien bdew minn saqqijiet li tkebbsu minn immigranti li joqogħdu fiċ-Ċentru. Rapporti oħra qed jgħidu li l-Pulizija qed iżżomm persuna li ttieħdet l-għassa tal-Marsa biex tiġi interrogata.

Sorsi fuq il-post qalu ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm bżonn xi tobba għall-immigranti, fosthom waħda minnhom li kienet qed tisgħol u tħossha ħażin.

Fis-2.30pm, dawk li joqogħdu fl-ewwel sular bdew jitħallew jidħlu lura fiċ-Ċentru.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li s’issa jidher li ma weġġa’ ħadd. Kiteb fuq Twitter li qed isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib.

Aktar tard, il-Ministru għas-Saħħa mar fuq il-post fejn tkellem mal-uffiċjali u mal-immigranti. Lill-ġurnalisti qalilhom li għadu kmieni biex jgħid minn xiex beda n-nar, iżda jidher li ħadd ma weġġa’. Huwa rringrazzja lill-impjegati kollha, kemm taċ-Ċentru, kif ukoll tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili, tal-ħidma tagħhom. 

Sostna li għadu wisq kmieni biex jgħaddi kummenti fuq dan il-każ fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-immigranti f’Malta. 

Ilbieraħ, 24 immigrant qajjem rewwixta f’Safi Barracks f’Ħal Kirkop. 22 minnhom tressqu l-qorti dalgħodu u wieġbu mhux ħatja. Huma qegħdin jinżammu arrestati.