Filmat: Housing minflok għelieqi fis-Siġġiewi: residenti b’petizzjoni u l-gvern iwieġeb

Aġġornat 11:15 AM

Residenti fis-Siġġiewi ħarġu petizzjoni sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar tirrifjuta l-applikazzjoni sabiex jinħareġ permess għall-żvilupp ta’ housing estate minflok żona ta’ għelieqi fi Triq Nikola Bonello, kantuniera ma’ Triq Dun Anton Vella.

Fit-22 ta’ April, fil-gazzetta tal-Gvern kienet ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet kollha ta’ applikazzjonijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar skont il-lokalità. Fosthom kien hemm l-applikazzjoni PA/00534/19. L-applikazzjoni qed titlob permess sabiex fis-sit jinbnew żewġ reservoirs tal-ilma taħt il-kantina, 68 garaxx, 27 spazju għall-parkeġġ u substation fuq livell ta’ kantina. Fuqhom qed jintalab li jinbnew 196 unit tal-housing.

Ir-residenti tas-Siġġiewi spjegaw li l-art fejn qed jiġi propost dan il-proġett tinstab bejn il-grawnd tal-futbol tas-Siġġiewi u l-gym fuq barra li hemm fl-istess raħal. Fil-petizzjoni online, huma rrimarkaw li l-proposta tal-housing estate qed issir f’żona fejn diġà hemm binja oħra tal-housing. Huma rrimarkaw li binja tat-tip se ġġib magħha aktar problemi fiż-żona inkluż ta’ parkeġġ. Intant semmew kif hemm housing estate ieħor li qed jinbena ftit ‘il bogħod minn din it-triq.

Ir-residenti rrimarkaw li jekk il-proġett ikun approvat u jibda l-proċess tal-kostruzzjoni, dawk li kienu jiffrekwentaw il-grawnd tal-futbol u l-gym mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan. Qalu li b’hekk, l-iżvilupp mhux talli se jkun qed joħnoq parti mħaddra oħra fis-Siġġiewi, imma wkoll se joħnoq id-dritt tar-residenti biex jużaw iż-żoni pubbliċi tal-madwar b’mod rikreattiv.

Rejazzjoni tal-Gvern

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, f’ittra li bagħat bħala dritt għar-risposta,qal li jiċħad kategorikament li jekk dan il-proġett ikun approvat dawk li jiffrekwentaw il-grawnd tal-futbol u l-gym mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan. Sostna li dan il-proġett mhux biss se jkun qiegħed jagħti tama lill-familji li jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali iżda se jkun qiegħed ukoll jippreserva ż-żona tal-madwar.

Aqra d-Dritt tar-Risposta sħiħa hawn:

Il-petizzjoni s’issa ġiet iffirmata minn aktar minn 500 persuna. Jekk tixtieq tiffirma din il-petizzjoni għafas hawn.

Filmat: Tony Aquilina