Filmat: Ħolma ssir realtà għat-tfal mal-Ursulini: bandli ġodda

Aktar kmieni llum ġie inawgurat bandli ġewwa Anġela House biex b’hekk 32 tifel u tifla se jkunu qed igawdu minn din il-faċilità. Dan il-proġett ammonta għal €70,000 li sar possibbli permezz ta’ donazzjonijiet miġbura minn Claris Foundation.

Suor Magda, soru tal-Ursolini, qalet kif it-tfal kellhom il-ħolma li jkollhom adventure playground.

Dan hu bandli magħmul apposta biex tgħin lit-tfal f’sensi differenti, kif ukoll jgħinhom jitgħallmu jaffaċċjaw l-ostakli li jistgħu jsibu fil-ħajja.

Dr Chetcuti Cauchi, f’isem Claris Foundation, qalet li s-sorijiet tal-Ursolini jagħmlu minn kollox biex irawmu ambjent ta’ paċi u progress edukattiv għat-tfal.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli, kienet preżenti għall-inawgurazzjoni tal-bandli u qalet li kemm ilu jopera l-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment saru aktar minn 550 donazzjoni mill-applikanti, b’valur li jaqbeż it-€3.5 miljun.