Filmat: Hollie Cassar f’wirja ma’ Gloria Estefan waqt Britain’s Got Talent

Ritratt: ITV

Fl-Ingilterra x-xahar id-dieħel jibda t-tour tal-musical On Your Feet! ta’ Gloria Estefan u kif diġa ħabbarna fil-kast ta’ dan il-musical hemm Hollie Riseley, li ħafna jafuha bħala Hollie Cassar, ir-rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ L-Isfida, li kien sar fl-2006/7.

Il-promozzjoni għal dan il-musical bdiet u issa ħafna huma dawk li qed jippjanaw li jmorru jarawh fid-diversi teatri madwar l-Ingilterra minn Ġunju li ġej sa’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

Wara li kienet rebħet L-Isfida, Hollie Cassar marret għal tlett snin scholarship u saħansitra baqgħet tistudja u tistinka f’karriera hemmhekk. Ħadmet f’għadd ta’ produzzjonijiet u żżewwġet lil Michael Riseley.

Illejla waqt l-ewwel semifinali tal-Britain’s Got Talent fuq l-istazzjon Ingliż ITV, il-kast tal-musical On Your Feet! kien mistieden jagħti wirja u Cassar kienet magħhom.

Segwi l-wirja li l-kast ta’ On Your Feet! waqt Britain’s Got Talent:

https://www.youtube.com/watch?v=rbjvh42LxHg&feature=youtu.be&fbclid=IwAR25ie1Hmgn4wEcRSuGPw1ikrhGZKvYQds7-UEo4pM0U1Uz7LH8KltS_Y3I

Intant fit-tieni semifinali tat-Tlieta 28 ta’ Mejju, se jkun imiss lil Giorgia Borg biex terġa’ titla fuq il-palk ta’ Britain’s Got Talent biex tikkompeti f’dan il-programm.

Hi għaddiet għas-semifinali wara li Alesha Dixon għafset il-Golden Buzzer u b’hekk Borg, fl-eeta’ ta’ 10 snin, saret l-iżgħar artista solista li kisbet dan l-unur.

Is-semifinali jibqgħu għaddejjin matul din il-ġimgħa filwaqt li l-finali ta’ Britain’s Got Talent se ssir il-Ħadd 2 ta’ Ġunju.