Filmat: Hit and runs, qtates jittajru; residenti mxebbgħin

Read in English.

Fi Triq il-Baltiku f’San Ġiljan ġraw għadd ta’ inċidenti fix-xhur li għaddew. Sewwieqa xurbana sikwit jgħaddu minn din it-triq b’veloċità qawwija, jibqgħu deħlin f’karozzi pparkjati u jibqgħu sejrin. Darba saħansitra ħabtu f’faċċata ta’ dar. Ħafna drabi jispiċċaw vittmi l-qtates li jkun hemm f’din it-triq. Ir-residenti xebgħu u jixtiequ li kieku jittieħdu xi miżuri biex is-sewqan eċċessiv jiġi kkontrollat f’din it-triq.

Il-lejl li għadda kien hemm hit and run ieħor li kkawża ħsara lil żewġ karozzi pparkjati fit-triq. Il-pulizija għadhom kemm solvew il-każ u sabu min kien is-sewwieq grazzi għall-kameras tas-sigurtà tad-djar ta’ xi residenti.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ xi residenti ta’ din it-triq li wrew l-għadab tagħhom fuq is-sitwazzjoni.

Residenta minnhom irrakkuntat kif f’Ottubru li għadda, kienet għadha kif qamet għax-xogħol għall-ħabta tal-4am meta f’daqqa waħda semgħet tkaxkira u daqqa kbira. Meta ttawlet rat il-karozza tagħhom mgħaffġa u karozza oħra mfarrka. Ħajt tal-faċċata kien imwaqqa’. Ċemplet lill-pulizija u baqgħet tistenna max-xufier li kien xurban, għalkemm dak il-ħin kienet għadha fi stat ta’ xokk u rabja lejh.

Dan l-inċident swiehom €20,000.

Ġuvni li joqgħod f’din it-triq qal lil din il-kamra tal-aħbarijiet li l-qattusa tagħhom kienet spiċċat vittma ta’ wieħed minn dawn l-inċidenti peress li ttajret. Ma kinitx l-unika waħda, għaliex din saret ħaġa normali li wieħed jilmaħ qattusa mtajra fit-triq.

Fuq Facebook kienu bosta r-residenti li lmentaw, u staqsew kemm iridu jiġu rrovinati karozzi qabel ma xi ħadd jieħu azzjoni. Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg qal li talbu permess minn Transport Malta biex ikun hemm sleeping police, iżda peress li minn dik it-triq jgħaddu ħafna karozzi tal-linja, jidher li dan mhuwiex permess.

Mistoqsijin minn Newsbook.com.mt, ir-residenti qalu li t-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Żewġ residenti qalu li dan ma ħax azzjoni u ma sabux għajnuna mingħandu. Meta r-residenti talbu li jsiru xi sleeping police, is-Sindku Trevor Fenech qal li ilhom snin ma jsiru sleeping police f’San Ġwann.

Residenta oħra qalet li l-kunsillier ta’ San Ġiljan Sean Gauci kien ta’ għajnuna kbira. Żiedet tgħid li s-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg u dak ta’ San Ġwann Trevor Fenech se jiltaqgħu nhar it-Tlieta li ġej biex jiddiskutu s-sitwazzjoni.

Ir-residenti huma mxebbgħin u jittamaw li tittieħed azzjoni għas-sigurtà f’din it-triq qabel ma ssir iżjed ħsara jew ikorri xi ħadd serjament.