Filmat: “Ħielsa mill-biża’ li l-forma ta’ rasi stramba” – Oriana

Oriana Farrugia qalet ma’ Newsbook.com.mt li issa li qaxxret xagħarha kollu għall-paznejti tal-kanċer tħossha ħielsa, speċjalment mill-biża’ li l-forma ta’ rasha tkun stramba.
Dan ladarba taf li ġabret donazzjoni kbira ferm għal The World Greatest Shave (WGS) fl-Awstralja, kif ukoll se tibgħat xagħarha għall-pazenjti tal-kanċer f’Malta sabiex isir f’parrokki.
Oriana, li bħalissa qed tgħix l-Awstralja stqarret li qed tħossha ħielsa wkoll mill-biża’ li mhux se jirnexxielha tiġbor biżżejjed flus u mill-persuni li ppruvaw jaqtgħulha qalbha tul din il-missjoni tagħha.
Għaldaqstant, Oriana nsistiet li tinsab ferm kuntenta bir-riżultat hekk kif irnexxiela tiġbor kważi €1,000 ekwivalenti għal aktar minn $1,500.
Spjegat kif l-ewwel mira tagħha kienet dik li tiġbor €458 ekwivalenti għal $700.
It-tfajla Maltija ta’ 28 sena, kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li xtaqet tagħti xagħarha għal kawża ġusta, sabiex tissapportja pazjenti tal-kanċer kemm f’Malta kif ukoll fl-Awstralja.
Waqt iż-żmien li ilha tgħix l-Awstralja, Oriana ltaqgħet mal-inizjattiva nazzjonali Awstraljana taħt l-isem ta’ The World’s Greatest Shave.
Għal dawn l-aħħar 20 sena, din l-inizjattiva organizzata mill-Fondazzjoni tal-Lukimja fl-Awstralja, tħeġġeġ lin-nies sabiex iqaxxru, jaqtgħu jew jiżbgħu xagħarhom f’ġurnata partikolari fis-sena, sabiex jagħtu sapport lill-pazjenti tal-lukimja.
Ritratt: Lincoln of London