Filmat: Ħidma żagħżugħa għall-elezzjonijiet ta’ Mejju

Dalgħodu ġiet imnedija l-kampanja tal-League of Young Voters (LYV) f’Malta bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej. Din il-kampanja se tinvolvi liż-żgħażagħ kollha f’Malta, mingħajr ma tħares lejn ebda kulur politiku.
L-Ambaxxatur nazzjonali tal-LYV Malta, Andrew Micallef qal li din se tkun l-ewwel darba li f’Malta se ssir kampanja ta’ din ix-xorta. Kompla jgħid li permezz ta’ dan il-proġett, “iż-żgħażagħ se jkunu ċentrali aktar minn qatt qabel.”
Il-programm ta’ din il-kampanja jinkludi dibattiti bejn il-kandidati għal-Parlament Ewropew infushom, u kif ukoll dibattiti bejn iż-żgħażagħ stess.
Il-LYV qed jaħdmu fuq din il-kampanja mal-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u mal-Aġenzija Żgħażagħ.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm diversi kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll numru kbir ta’ żgħażagħ.