Filmat: Ħidma fl-Isptar Mater Dei għal sala għal mard infettiv u riskjuż

Read in English.

Fl-Isptar Mater Dei għaddej xogħol strutturali biex tinbena unit speċjalizzata fejn se jkunu trattati pazjenti b’każijiet rari ta’ infezzjoni li jkunu ta’ riskju għoli li jinxtered fil-komunità. Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa kien spjegat li s-sala se tkun fi ħda is-sala għall-mard infettiv.

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €1.7 miljun, li hu parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej, mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

Waqt żjara fuq il-post, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, spjega li bil-HighDegreeIsolationUnit, il-pajjiż se jkun ippreparat ukoll għall-eventwalità ta’ każijiet infettivi bħall-Marburg virus, Dengue, Ebola, Lassa fever, Sars Co-V u razez patoġeniċi għolja tal-virus tal-influwenza

“Sal-aħħar tas-sena Mater Dei se jkun wieħed mill-ftit ċentri fl-Ewropa li jista’ jilqa’ dawn it-tip ta’ pazjenti, joffri servizz tal-aqwa kwalità, bla ebda periklu lill-istaff mediku,” sostna d-Deputat Prim Ministru Fearne.

Ix-xogħlijiet strutturali huma kkordinati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), filwaqt li d-disinn huwa mfassal minn esperti lokali u barranin, b’kollaborazzjoni mal-esperti mediċi tal-Isptar Mater Dei. 

L-Uffiċjal Kap Operattiv tal-FMS, Andrew Vella Zarb, spjega li biex dan il-unit jikseb l-ogħla ċertifikat ta’ sigurtà kien jeħtieġ numru ta’ rekwiżiti strutturali u ta’ inġinerija addizzjonali minn swali oħra fl-isptar, b’mod partikolari fis-sistema tal-purifikazzjoni tal-arja.