Filmat: “Hemm żewġt naħat għal kull storja” – Ira Losco

Ira Losco għadha kif ħarġet vidjow mużikali ġdid bl-isem Hey Now. Din hi l-ħames single mill-album tagħha No Sinner No Saint. L-ewwel wieħed ta’ dan it-tip fix-xena lokali, l-album huwa maqsum fit-tnejn bi 12-il diska fuq kull CD.

Il-vidjow jibda bil-frażi: “Hemm żewġt naħat għal kul storja”, frażi li takkumpanja l-idea tal-album doppju u tagħti ħjiel għal dak li se jiġri ftit ġimgħat oħra.

Il-filmat ta’ Hey Now inġibed fin-Nofsinhar ta’ Malta minn Matthew Muscat Drago taħt id-direzzjoni ta’ Steven Levi Vella. Huwa mimli xeni kkuluriti u vibranti li jakkunpanjaw is-silta ta’ stil reggaeton.

Qarrej tax-xorti li jidher fil-bidu u fl-aħħar tal-vidjow jagħti ħjiel ta’ vidjow ieħor li se joħroġ ftit ġimgħat oħra bl-isem Bad Habits.

Ira Losco qalet li “l-idea li noħroġ single waħda minn No Sinner u l-oħra minn No Saint ma kinitx ippjanata, imma l-idea li jinħolqu żewġ vidjows kuntrastanti għoġbitni bħala idea”. Fl-ewwel vidjow Hey Now, Ira tieħu rwol ta’ mara li l-pjanijiet taż-żwieġ ma marrux skont ix-xewqa tagħha. Issib wens ġo darha u mal-pjanti tagħha, iżda eventwalment timxi ’l quddiem fil-ħajja u tara kif se taħrab mill-ħajja monotona ta’ kuljum.

Il-kanzunetta Hey Now tinsab fis-seba’ album ta’ Ira losco li jismu No Sinner No Saint. L-album huwa produzzjoni ta’ Howard Keith u ġie rrekordjat minn Jagged House Studios. Jista’ jinxtara minn siti elettroniċi mużikali kollha jew minn fuq www.jaggedhouse.com.