Filmat: “Hemm prijoritajiet oħra qabel jingħalqu l-iskejjel” – Fearne

Read in English.

“Jekk hemm bżonn li jittieħdu aktar miżuri l-ġimgħa d-dieħla minħabba ż-żieda fil-każi tal-coronavirus mhux se jkunu qed jingħalqu l-iskejjel,” sostna d-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne hekk kif il-Ħamis f’nofsinhar kien qiegħed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg waqt Newsbook Q&A.

Mistoqsi jekk jaqbilx mal-istrajk li ordnat il-union tal-għalliema, l-MUT, il-Ministru Chris Fearne qal li jekk ikun hemm bżonn li l-iskejjel jingħalqu tittieħed dik id-deċiżjoni għaliex is-saħħa tibqa’ l-prijorità imma li jingħalqu l-iskejjel għal jumejn ma kienx jagħmel sens.

Fearne kompla jispjega kif hu personali per eżempju jippreferi li kieku t-tfal imorru l-iskola milli adult ikun jista’ jmur sal-każin. Kompla jispjega kif matul l-2020 l-istudenti tilfu ħafna mill-edukazzjoni u tfal ta 9, 10 snin jew iżgħar ikun diffiċli għalijhom biex jirkupraw dak li tilfu u allura l-gvern irid jassigura l-edukazzjoni tagħhom wkoll.

“Jekk ikollna vaċċin żejjed nagħtu lil pajjiżi oħra”

Dwar il-vaċċin il-Ministru Chris Fearne qal li llum se jkunu qed jitlaqqmu madwar 450 persuna oħra. Dan in-numru mbgħad ikompli jiżdied ġimgħa wara ġimgħa biex fl-aħħar ta’ Jannar ikunu tlaqqmu 16,000 persuna.

Fearne semma’ wkoll kif jekk pajjiżna se jkollu aktar vaċċin minn kemm għandu bżonn allura d-dożi żejda se jkunu qed jitqassmu lil pajjiżi li ma għandhomx minħabba raġunijiet finanzjarji. Hawn il-Ministru Fearne semma kif din l-inizjattiva ġiet imfaħħra mill-Organizazzjoni Dinija tas-Saħħa, WHO u għamel referenza għaliha anke l-Papa Franġisku meta tkellem kontra ‘vaccine nationalism’.

Bdejna b’numri baxxi ta’ injezzjonijiet apposta – Fearne

Dan l-aħħar kien hemm kritika lejn l-awtoritajiet tas-saħħa talli mhux ilaqqmu ammont sostanzjali ta’ nies. Mistoqsi dwar dan il-Ministru tas-Saħħa qal li sar hekk apposta. Spjega li jridu jassiguraw li l-proċess biex minn trab il-vaċċin jiġi likwidu u proċess delikat u għalhekk iridu jassiguraw li jsir kollox kif sippost qabel jiġi injettat u biex ma jinħlewx dożi.

Qed tiġi analizzata l-ġenetika tal-varjant

Biex isiru jafu jekk hawnx aktar każijiettal-varjant il-ġdid tal-COVID-19, il-Ministru Chris Fearne qal li qed isir il-proċess magħruf bħala ‘sequencing’ fejn jaraw il-ġenetika kollha tal-mikrobu. Dan qed isir fuq it-testijiet kollha pożittivi u fuq dawk li ġejjin mir-Renju Unit. Fearne qal li dan il-proċess hu wieħed li jieħu ftit tal-ġranet għaliex hu kemm xejn ikkumplikat biex isir.

S’issa mat-3 konfermati, f’Malta ma żdiedux il-każi tal-varjant il-ġdid tal-COVID-19.

Mistoqsi dwar il-varjant mill-Afrika t’Isfel, Fearne qal li f’Malta m’għandiex.

Sa Mejju business as usual?

“Jien dejjem għadt li n-normalità se tkun in-normalità l-ġdida. Se nitgħallmu affarijiet li qabel ma konniex nagħmlu u li huma marbuta mal-iġene u rridu nibqgħu attenti anke wara Mejju,” spjega l-Ministru.

Kompla jgħid kif biex il-pajjiż jilħaq limmunità fil-komunità, magħrufa aħjar bħala ‘herd immunity’ hemm żewġ xenarji; jew li kulħadd ilaqqat il-virus, li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jridux li jiġri, jew li jitlaqqmu n-nies. La darba nofs il-popolazzjoni tieħu l-vaċċin nibdew nersqu lejn din l-immunità bħala pajjiż, sostna l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.