Filmat: Hemm min ġieli jirċievi kura minn persuni mhux kwalifikati – psikjatra

Psikjatri Maltin li jaħdmu mal-Gvern ġieli jkollhom jirreferu pazjenti għand terapisti li ma jkunux kwalifikati b’mod sħiħ biex jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali f’Malta. Il-psikjatra Dr Nigel Camilleri li huwa wkoll il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija (MAP) qal dan waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103 FM.

Dr Camilleri spjega li fejn pazjenti ġieli kellhom jużaw is-servizzi  ta’ psychology assistants biex jagħtu ammont ta’ terapija u li dawn mhumiex kwalifikati b’mod sħiħ biex jagħtu s-servizz. Huwa qal ukoll illi bħalissa m’hawnx psikjatri full-time għat tfal jew adolexxenti fis-servizz tas-saħħa mentali li jipprovdi l-Gvern.

Il-psikologa Roberta Farrugia Debono, li hija wkoll l-President tal-Kamra Maltija tal-Psikologi (MCP) qalet li is-psychology assisants iridu jaħdmu taħt is-supervizjoni ta’ psikologu kwalifikat u li jekk kien hemm xi każi fejn xi wħud li ħadmu mhux taħt is-superviżjoni ma jkunux qed jagħmlu sew.

Ma hawnx biżżejjed

Dr Camilleri qal li fis-servizz tal-Gvern f’Malta ma hawnx biżżejjed psikjatri li jaħdmu fil-qasam tat-tfal. Mistoqsi jekk hawnx numru kbir biżżejjed ta’ Maltin kwalifikati, huwa qal li meta kien jaħdem f’Newcastle fir-Renju Unit kien hemm aktar psikjatri tat-tfal Maltin jaħdmu f’Newcastle milli kien hemm jaħdmu f’Malta. Żied jgħid ukoll li Malta trid tara li mhux in-numri biss ikollha tajjeb imma anke ċertu standards.

Dr Camilleri semma dak li hu ppubblikat f’rapport li l-għaqda tiegħu ħarġet f’Ottubru ta’ din is-sena. Semma l-MAP qalet li Malta għandha bżonn bejn 45-60 psikjatri jaħdmu fuq is-saħħa mentali tal-adulti u disa’ jaħdmu mat-tfal u l-adolexxenti. Ir-rapport jgħid li bħalissa m’hawnx psikjatri full-time għat tfal jew adolexxenti. Hemm 15-il konsulent ġenerali tal-psikjatrija u 10 resident specialists kwalifikati. L-MAP ikkwotat ukoll riċerka mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) li turi li wieħed minn kull erba’ persuni fid-dinja se jiġu affettwati minn xi problema mentali jew newroloġika. Ir-rapport jgħid ukoll li psikjatri full-time f’Malta jaraw medja ta’ 2.8 każijiet ġodda fil-ġimgħa meta n-numru rakkommandat huwa sa żewġ każijiet ġodda fil-ġimgħa skont ir-Royal College of Psychiatrists.