Filmat: “Hemm min għandu l-flus imma ma jafx kif jonfoqhom”

Hemm anzjani li minkejja li kollhom il-finanzi neċessarji, ma jafux kif għandhom jonfquhom skont id-Direttur tas-Servizzi Korporattivi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Stephen Vella.

Ma’ Newsbook.com.mt Vella qal li hemm kunċett żbaljat li n-nies li jfittxu l-għajnuna tal-FSWS huma għażżenin. Qal li jkun hemm każijiet ta’ familji bi problemi ta’ saħħa mentali, saħħa fiżika, li jkun hemm persuna b’diżabilità, jew nuqqas ta’ edukazzjoni. Hemm ukoll anzjani li huma sinjuri imma li jgħixu fis-solitudni. “Il-faqar mhux biss finanzjarju” qal Vella.

Id-Direttur spjega li l-FSWS toffri pakketti ta’ ikel mill-Ewropa u anke dak minn Malta. Dan jiġi offrut lil aktar minn 26,000 familja. Meta l-familji jagħmlu kuntatt mal-FSWS, isir profil tal-familja fejn il-ħtiġijiet tagħha jiġu analizzati. Tingħata għajnuna b’mod dirett, bħal per eżempju akkomodazzjoni soċjali jew tibdil ta’ ċertu tagħmir fid-dar li jaħli ħafna enerġija.

Vella qal li ssir kollaborazzjoni mal-Jobsplus u li tingħata għajnuna lil dawk il-persuni li jkollhom bżonn taħriġ biex jibdew jaħdmu. Hemm ukoll żewġ persuni mill-FSWS li jaħdmu full-time fil-ħabs fejn jgħinu lil dawk il-priġunieri li jkunu waslu biex joħorġu.

Mistoqsi dwar kemm familja ddum biex terġa’ tqum lura fuq saqajha, Vella qal li hemm xi servizzi li jieħdu ż-żmien tagħhom bħal ma huma l-edukazzjoni u x-xogħol. Jemmnu li l-aħjar mod kif jgħinu lill-familji huwa billi jagħtuhom l-għoddod u t-tisħiħ li jkollhom bżonn biex ikunu jistgħu jgħinu lilhom infushom.

Filmat: Christoph Schwaiger