Filmat: Hemm min dan il-Milied għandu dar, imma s-sena d-dieħla le – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm min din is-sena għandu dar fil-Milied, però s-sena d-dieħla dan mhux se jkun il-każ.

Fil-messaġġ tiegħu għall-Milied, Delia qal li l-Milied huwa ġrajja ta’ tarbija li twieldet fil-faqar u twieldet bla saqaf fuq rasha.

Fi kliem Delia hemm persuni fis-soċjetà li qed jippruvaw ilaħħqu kuljum ma’ dawk li huma l-isfidi tal-ħajja. “Dawk li huma morda, tfal illi jgħaddu minn operazzjoni għall-oħra imma xorta fil-Milied bi tbissimha fuq wiċċhom, qishom l-aktar ħaġa importanti għalihom hu l-Milied u l-messaġġ tiegħu.”

Fi kliem Delia, hemm persuni b’diżabilità, dawk fis-solitudni, u anzjanji li jkollhom bżonn l-għajnuna jew il-kumpanija. Huwa rringrazzja lill-Forzi tal-Ordni, it-tobba, l-infermieri, l-paramediċi, u l-volontiera.

Delia appella lin-nies biex jagħtu r-rigali u jqattgħu ftit ħin ma’ xi ħadd li jkun waħdu fil-Milied.