Aġġornata (5): Filmat: ‘Hemm il-vojt u perikoluża’; barriers fi triq fin-Nadur

Read in English.

Is-Sindku tan-Nadur Edward Said qal li Triq ir-Ramla infetħet minn numru ta’ postijiet li li jidher li hemm il-vojt taħt u li hi perikoluża. Wara li ħarġu rapporti fil-midja dwar il-periklu, karreġġjata waħda mit-triq ingħalqet permezz ta’ barriers.

Said qal lil Newsbook.com.mt li Triq ir-Ramla hi triq ewlenija prinċipali tal-Gvern.
“It-triq infetħet minn numru ta’ postijiet u l-Kunsill kemm-il darba rrapporta dwar dan lill-Ministeru għal Għawdex,” qal Said.

Wara, kelliem għall-Ministeru għal Għawdex qal lil Newsbook.com.mt li l-Ministeru ħa azzjoni immedjata “la darba” ġie infurmat bil-każ. Żied jgħid li dan hu r-riżultat ta’ “snin sħaħ ta’ telqa li kien jinsab fih Għawdex” u li għalhekk il-Ministeru għal Għawdex imbarka fuq proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq madwar Għawdex kollu.

Il-kelliem qal li ġew infurmati bil-periklu għas-sewwieqa illum “għax fil laqgħat li l-Ministru jkollha b’mod regolari mal-Kunsill Lokali, din it-triq qatt ma ssemmiet jew kienet fuq l-aġenda.”

L-Assistent Direttur tad-Direttorat għax-Xogħlijiet Lorry Apap qal lil Newsbook.com.mt li se jġibu blokki tal-konkrit. Qal ukoll li ġew infurmati bil-ħofra fit-triq.

It-triq ingħalqet għat-traffiku – Ministeru għal Għawdex

Mistoqsi biex jiċċara l-kummenti tiegħu, il-kelliem qal li l-Ministeru ħa azzjoni immedjata la darba ġie mgħarraf li t-triq qed tesponi periku għas-sewwieqa.

“Issejħet laqgħa urġenti u issa t-triq hi magħluqa għat-traffiku. Issa inħallu f’idejn l-esperti biex janalizzaw il-problema u tinstab soluzzjoni,” kompla jgħid il-kelliem.

Edward Said spjega li ma jafux x’jista jiġri, imma qal li hemm il-vojt taħt it-tarmak u li hemm periklu. Temm jgħid li l-Kunsill se jkompli jagħmel rapporti dwar din it-triq kif ukoll dwar Triq l-Imġarr, Triq Kenuna, Triq it-Tiġrija, u Triq il-Qala. Qal li dawn it-toroq huma fi stat diżastrużi.

Minkejja li l-awtoritajiet ilhom ix-xhur jafu b’diversi strutturi perikolużi madwar Malta, il-periklu hemm kien u hemm għadu. Kelliema għall-Pulizija qalet lil Newsbook.com.mt li kien hemm strutturi perikolużi f’seba’ lokalitajiet differenti. Qalet li l-Pulizija poġġiet barrikati madwarhom bħala miżura ta’ sigurtà għall-pubbliku. Spjegat li dawn jitħallew fuq il-post sakemm ikun tneħħa kull periklu.

Ritratti: 4 strutturi perikolużi ilhom hemm ix-xhur; skiet mill-awtoritajiet

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li fit-triq li tagħti min-Nadur għar-Ramla hemm parti li jidher li qed iċċedi.

“Din it-triq tintuża minn mijiet ta’ karozzi kuljum li jinżlu għall-bajja tar-Ramla kif ukoll minn numru kbir ta’ residenti li joqgħodu fl-inħawi ‘Tal-Ħali’,” qal Chris Said.

Chris Said appella lill-Ministeru għal Ghawdex biex jieħu azzjoni immedjata qabel ikun tard wisq.

TRIQ TAR-RAMLA – BZONN TA' AZZJONI URGENTI BIEX JITNEHHA L-PERIKLU.Fit-Triq li taghti minn Nadur ghar-Ramla hemm parti…

Posted by Chris Said on Sunday, September 8, 2019

Kelliem għal Infrastructure Malta qal lil Newsbook.com.mt li “l-manutenzjoni tat-triq indikata hija responsabilità ta’ entità oħra.”

Għas-7 pm il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li t-triq issa ġiet sigura.

Road from Nadur to Ramla rendered safe. Works to commence at the earliest possible. Thank you Ministry for Gozo…

Posted by Justyne Caruana on Sunday, September 8, 2019

Filmat: Facebook – Mario Zerafa