Filmat: Hemm ċans li nirkupraw parti mill-ispiża tal-Captain Morgan – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea biex il-flus li nefqet Malta fuq il-vapuri li fuqhom inżammu l-immigranti jiġu rkuprati kollha jew parzjalment.

Waqt li kien qed iwieġeb lil Newsbook.com.mt Abela qal li għad hemm lok li parti mill-ispejjeż jiġu rkuprati.

“Maħniex se naqtgħu qalbna,” qal Abela.

Il-PM qal li ftit ilu Malta tħalliet waħedha imma li jidher li t-taħdidiet li qed isiru qed iħallu l-frott. Jemmen li Malta hija vittma tas-sitwazzjoni u li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ma jridux imissu ma’ din il-kwistjoni. Saħaq li hemm bżonn pjan olistiku.

Abela qal li f’dawn l-aħħar ġranet il-messaġġ li Malta ma tistax titħalla waħedha “wasal b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea”. Żied jgħid li Malta qed tagħmel sforzi diplomatiċi f’dan il-qasam.

Qal li hemm element ta’ diplomazija u element ta’ kriminalità f’din il-kwistjoni.

Id-deċiżjoni ta’ Malta li żżomm grupp ta’ immigranti fuq numru ta’ vapuri magħrufa bħala pleasure boats ma sabitx is-sapport tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif il-KE rrifjutat it-talba tal-Gvern Malti biex jinħarġu fondi Ewropej li jkopru l-ispejjeż ta’ din il-prattika kontroversjali.

Daniel Azzopardi, ir-rappreżentant ta’ Malta fi Brussell, tkeċċa mill-kariga tiegħu. Dan skont sorsi ta’ Newsbook.com.mt.