Filmat: Min jitkellem fuq it-‘Tieni Repubblika’ jrid iħalli l-marka tiegħu – Tonio Borg

L-eks Kummissarju Ewropew u l-avukat kostituzzjonali Tonio Borg stqarr li jemmen li hemm bżonn isiru xi tibdiliet fil-Kostituzzjoni. Spjega iżda li m’hemmx bżonn li wieħed ‘jqatta’ u jarmi’ il-kostituzzjoni li hemm biex jagħmel oħra mill-ġdid. Hu spjega li jekk ikun hemm kostituzzjoni ġdida, ikun ifisser li l-gvernijiet ta’ qabel ħadmu f’sistema li kkollassat, u b’hekk wieħed ikun qed jikkundanna l-amministrazzjonijiet mill-Independenza s’issa.

Borg kien intervistat minn Newsbook.com.mt dwar il-publikazzjoni l-ġdida tiegħu, kif ukoll dwar ir-riforma kostituzzjonali. Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika beda fis-sajf, fejn il-pubbliku ġie mħeġġeġ jibgħat il-proposti tiegħu lill-Kumitat għar-Riformi Kostituzzjonali.

Tibda l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali

L-eks Kummissarju Ewropew saħaq li dawk li jitkellmu fuq it-‘Tieni Repubblika’ jridu jħallu l-marka tagħhom. Sostna li l-Kostituzzjoni għandha tissaħħaħ iżda dan ma jfissirx li trid terġa’ tinkiteb mill-ġdid.

Filmat: X’inhi l-Kostituzzjoni? – Intervista mal-Imħallef Emeritu Bonello

Meta Newsbook.com.mt staqsa dwar x’hemm bżonn li jinbidel fil-Kostituzzjoni, Borg spjega li l-Prim Ministru għandu jkollu inqas poter fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Hu żied jgħid li f’xi ċirkustanzi fejn il-Kostituzzjoni tipprovdi l-fakultà li l-Prim Ministru jieħu parir minn xi ħadd ieħor, wieħed ma jkunx jista’ jħarrek lill-Prim Ministru biex jara jekk dan għadtx fuq il-parir li ngħata jew le. Sostna li dan ma jagħmilx sens.

Borg tkellem ukoll dwar l-interess ġuridiku. Spjega kif li kieku jiddaħħal l-abbort f’Malta, l-Arċisqof ma jkunx jista’ jiftaħ każ għax ma għandux interess ġuridiku u dirett f’kawża simili. Huwa żied jgħid li persuna għandha jkollha l-fakultà tisfida liġijiet li taħseb li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-Qrati Kostituzzjonali. Huwa f’idejn il-Qorti tiddeċidi jekk il-persuna għandhiex raġun jew le.

Mistenni jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa dwar ir-riforma kostituzzjonali, b’Borg jirrimarka li kemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca kif ukoll il-President George Vella wegħdu dan. Dwar il-proċess, Borg sostna li se jkunu l-partiti li se jivvuttaw fuq l-emendi kostituzzjonali li għadt jitressqu.

Huwa kien mistoqsi wkoll jekk l-Uffiċċju tal-President għandux ikun fil-proċess, minħabba li l-istess uffiċċju huwa rregolat mill-Kostituzzjoni. Borg wieġeb li l-fatt li hemm il-President involut fil-kumitat jagħti ċerta “awtorità”. Żied jgħid li l-President Vella diġà qal li se jkun qed ‘joħroġ ‘il barra’ meta jkunu qed jiddiskutu l-uffiċċju tiegħu. Il-proċess iżda għadu fil-bidu tiegħu.

Mistoqsi jekk hemmx biżżejjed għarfien dwar il-Kostituzzjoni, Borg stqarr li jixtieq li jkun hemm iktar. Saħaq li l-Kostituzzjoni mhix importanti biss għall-avukati iżda għal kulħadd. Huwa sostna li għandu jsir iktar fl-iskejjel filwaqt li jista’ jkun hemm kampanja ta’ għarfien b’ħidma mal-kunsilli lokali per eżempju.

Temm jistaqsi jekk il-barranin li jsiru Maltin, għandhomx ikollhom għarfien bażiku tal-Kostituzzjoni bħalma jsir fl-Istati Uniti.

Filmat: Miguela Xuereb

Aqra iktar:

Filmat: ‘Il-Kostituzzjoni hi biċċa karta, jekk ma titħaddimx kif suppost’ – Imħallef Emeritu