Filmat: “Hemm bżonn impenn universali biex tintefa l-Amażonja” – Il-Papa

Il-Papa Franġisku dejjem jgħallem u jisħaq dwar il-valuri nsara

Read in English.

Il-Papa Franġisku sostna li jekk ikun hemm impenn universali biex jintfew in-nirien fl-Amażonja, ikunu jistgħu jitwaqqfu mill-iżjed fiss possibli.

Huwa għadda dawn il-kummenti waqt l-Anġelus tal-lum, hekk kif kien qed jirreaġixxi għar-rapporti tan-nirien li qed jifirxu u jaħarqu biċċiet vasti tal-Amażonja. Huwa żied jgħid li foresti bħal dawn huma l-pulmuni tal-pjaneta tagħna, fejn hemm biodiversità kbira li hija kważi impossibbli biex l-umanità tapprezza fis-sħiħ tagħha.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-vapur sptar “Papa Franġisku” wasal fiż-żona tal-Amażonja biex jibda joffri servizzi mediċi f’dawk iż-żoni li jistgħu jintlaħqu biss mill-baħar. Il-Papa kien fakkar li dan il-vapur–sptar se jwassal il-Kelma t’Alla u joffri servizzi u kura medika lill-poplu verament fil-bżonn f’żona tal-Amażonja li testendi għal madwar elf kilometru.

Aqra: Il-vapur sptar “Papa Franġisku” jibda jaħdem fl-Amazonia

Skont l-esperti, daqs 77,000 każ ta’ nirien ġew irrappurtati madwar il-Brażil dis-sena. Din hija żieda ta’ 85% mill-2018. Barra minn hekk, id-deforestazzjoni fil-foresta tropikali tal-Brażil żdiedet b’67% fl-ewwel seba’ xhur tas-sena. Dan ħareġ minn riċerka li saret minn aġenzija spazjali Brażiljana. Minn naħa l-oħra, il-gvern Brażiljan sostna li d-dettalji li ħarġet din l-aġenzija m’humiex affidabbli.

L-Isqfijiet tal-Amerka Latina u l-Karibew saħqu li n-nirien tal-Amażonja għandhom konsegwenzi planetarji mhux biss lokali.  Huma saħqu li din hija traġedja naturali, u esprimew is-solidarjetà lill-dawk “ħuthom” li jgħixu u jħobbu lill-foresta tagħhom.

Aqra wkoll: 

Ritratti: Emerġenza fl-Amazon; Ilha 3 ġimgħat tinħaraq

Aġġornata: Malta għandha timblokka ftehim tan-negozju biex tipproteġi l-Amażonja – PD