Filmat: “Ħatni kien qed imut bil-kanċer jien u nippreżenta programm fuq il-kanċer” – Azzopardi

Il-preżentatur Peppi Azzopardi qal li nhar il-Ġimgħa, hu u jippreżenta l-programm Xarabank li kien dwar il-kanċer, missier martu kien qiegħed imut bl-istess marda.

Azzopardi qal dan waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM, ippreżentat minn Fr Joe Borg. Meta Fr Joe staqsa lil Peppi Azzopardi dwar x’jaħseb, jekk il-midja għadhiex tikkopja lill-ħajja jew illum il-ġurnata, hijiex il-ħajja li tikkopja lill-midja, dan wieġbu billi qasam miegħu esperjenza personali marbuta mas-suġġett.

“Kont qisni qed ngħix f’dinja tal-assurd”

Huwa rrakkonta kif fil-programm ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, kienu qegħdin jinġabru l-flus għal Hospice Malta. Iżda moħħu ma kienx hemm għalkollox, għaliex martu kienet qiegħda Spanja ma’ missierha, li kien wasal fi tmiemu. Qal li hu wkoll kellu jkun hemm, imma minħabba l-programm, ma setax. Għalhekk kellu jinqasam – bejn ried ikun ma’ martu biex isabbarha f’dan il-mument diffiċli, u bejn kellu jkun Malta sabiex jgħin lil dawk fil-bżonn.

Il-preżentatur żied jgħid li kienet sitwazzjoni assurda għalih, u staqsa jekk din kinitx realtà jew fantasija. Irrakkonta kif kull ftit minuti beda jiċċekkja l-mowbajl biex jara ħatnu fiex wasal u martu kif qed tħossha.

Waqt il-programm, inġabru mal-€200,000 b’risq Hospice Malta. Hospice Malta hija organizzazzjoni bla qligħ, magħmula minn voluntiera, li jaħdmu qatigħ sabiex jgħinu lil dawk fil-bżonn li jbatu bil-kanċer, b’mard fin-nervituri, mard respiratorju, mard fil-qalb, fil-fwied u anke fil-pulmun.