Filmat: “Ħassejtni li anke fil-qabar ridt inkun miegħu” – Maria

L-imħabba ma tafx limiti. Dan huwa żgur il-każ bejn Maria u Freddie, il-koppja Żabbarija li ftit jiem ilu sirna nafu minn xiex għaddew.
Wara li Maria kkuratu għal 10 snin sħaħ, issa qed tistenna b’ħerqa l-mument li tmur ħdejn żewġha li ħalliena fil-bidu ta’ dan ix-xahar. Jekk hemm bżonn tifsira għall-kelma mħabba, din żgur hi.
Bosta huma dawk li mal-iċken intopp jaqtgħu qalbhom u jfittxu lil xi ħaddieħor. Fi kliem Maria, “Is-sigriet huwa li qatt ma torqod miġġieled mas-sieħeb tiegħek.”
Iżżid tgħid li kemm hi kif ukoll Freddie qatt ma daħħlu l-problemi tal-oħrajn bejniethom. Dejjem fittxew li jibqgħu sodi.
Wara li Freddie sofra l-puplesija seta’ jikkomunika biss bil-ħars u bi ftit ġesti iżolati. Ir-relazzjoni tagħhom tant kienet intima u b’saħħitha li dan il-mezz ta’ komunikazzjoni kien xorta biżżejjed biex jgħixu flimkien b’serenità kbira minkejja d-diffikultà fiżika li ġarrew bejniethom.
Filmati: Ian Noel Pace u inewsmalta