​Filmat: “Ħassejt qalbi tinqasam biċċa biċċa” – Omm Daylin li twieled b’toqba f’qalbu

Daylin twieled fit-13 ta’ Ottubru li għadda, illum tarbija ta’ xahrejn u nofs.
Twieled b’toqba f’qalbu, bis-sintomi jibdew joħorġu wara tlett ijiem. Daylin kien qed imut, laħquh eżatt.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Raissa, omm Daylin tgħid kif id-dwiefer u saqajh bdew isiru vjola.
Wara li sarulu xi testijiet, il-ġenituri tat-tifel kellhom iħallu kollox u jmorru l-Ingilterra, fejn wara li sarulu numru ta’ testijiet, operawh.
“’Il quddiem irid isirlu bypass
L-operazzjoni kienet suċċess, u issa Daylin għandu molla ħdejn l-arterja ta’ qalbu. ‘Il quddiem, isirlu bypass.
Raissa rrakkuntat kif kellhom iħallu ż-żewġ uliedhom l-oħra warajhom u spiċċa jieħu ħsiebhom in-nannu.
“Ħassejt qalbi tinqasam biċċa biċċa”, qaltilna Raissa hekk kif kull meta jċemplu t-tfal kienu jistaqsuha meta ġejja lura.
Ġew lura ftit tal-jiem ilu u mill-ajruplan baqgħu sejrin dritt b’Daylin Mater Dei, biex ikompli l-kura. It-tifel qiegħed stabbli.
“L-ewwel erbat ijiem ma kilt xejn”
L-omm tispjega kif fil-bidu taqta’ qalbek u kif għamlet l-ewwel erbat ijiem ma tikolx. Iżda saħqet li ma setgħetx tibqa’ sejra hekk, u għalkemm diffiċli kellha tagħmel kuraġġ,  għax it-tifel kellu bżonnha.
Esprimiet il-gratitudni tagħha għas-sapport li sabu mit-tobba, l-infermiera, familja u ħbieb, fi kliemha anke minn persuni li ma tobsorx li jkunu se jgħinuk.
Semmiet ukoll l-appoġġ mill-Istrina u l-Community Chest Fund. Filwaqt li rrimarkat kemm qalb il-Maltin hija kbira, ħeġġet lill-poplu Malti u Għawdxi biex iċempel u jagħti donazzjoni lill-Istrina u hekk ikunu qed jgħinu ħafna nies, fosthom tfal li għaddejjin mit-tbatija bħat-tifel tagħha.
Segwi L-Istrina, l-għada tal-Milied, u agħti s-sehem tiegħek biex tgħin lil Daylin u tfal oħra bħalu. 
Filmat: Media Centre