Filmat: Ħarruba anzjana titqaċċat bla ħniena

Fuq il-mezzi soċjali qed idur filmat li juri siġra antika tal-ħarruba li qed titqaċċat minn postha minn xi ħaddiema fuq sit privat. Skont il-mara li tellgħet il-filmat, il-post jinsab fi Triq Santa Marija f’Birkirkara fejn jumejn ilu, iffilmjat xi ħaddiema qed jaqilgħu s-siġra minn postha u fil-proċess kważi waqqgħu ħajt fil-viċin.

Fil-post tagħha fuq Facebook, il-mara semmiet kif diġà infurmat lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA dwar jekk dan kollu huwiex legali jew le.

Fuq Facebook il-mara kitbet li ma kienx hemm dokumenti tal-ippjanar fuq is-sit, u meta staqsiet lill-ħaddiema dwar x’se jiġri mis-siġra tal-ħarrub, għall-ewwel qalulha li din se tinżera x’imkien ieħor. Madankollu, l-għada l-istess ħaddiema qalgħu din is-siġra minn postha.

Qalet li dwar dan il-każ ressqet ukoll rapport fl-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara, fejn sostniet li osservat diversi irregolaritajiet oħra li saru fil-proċess.

Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar dan il-każ u qed jistenna tweġiba.

https://www.facebook.com/uno.hu.33/videos/1896607470645397/