Filmat: “Ħallejtu l-Maqluba tinqered bin-nirien” – PD

Il-Partit Demokratiku rrimarka li l-Maqluba, sit ta’ Natura 2000, tħalla jinqered wara li nar qawwi beda lejliet Santa Marija.

Fi stqarrija spjegaw li wisq probabli dan sar minħabba xi murtal li ttajjar viċin. Irrimarka kif kważi 24 siegħa wara, parti kbira mill-Maqluba inħarqet kompletament u sostna li n-nar għadu qed jaqbad.

Spjega li l-piroteknika f’Malta hija tradizzjoni li tirrikjedi dedikazzjoni u sengħa u għaldaqstant jgħidu li huwa xieraq li tibqa’ parti integrali tal-kultura u t-tradizzjoni Maltija.

Fl-istqarrija rrimarka kif il-kmamar tan-nar iħallsu għas-servizzi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili waqt avvenimenti pirotekniċi u għaldaqstant hija fir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jipprovdu sigurtà għall-ħajja, propjetà u l-wirt naturali.

Fl-istqarrija spjegaw li l-Maqluba għandha ekosistema unika b’popolazzjoni importanti ta’ siġar bħal dawk tar-rand u tal-Għargħar, is-siġra nazzjonali. Magħhom hemm numru ta’ pjanti u ħxejjex rari, bħal dik tax-Xebb li tinsab Malta biss. Huwa wkoll il-post fejn ibejjet il-Merill.

Għaldaqstant, il-Partit Demokratiku appella lill-Awtorità għall-Ambjenti u r-Riżorsi (ERA) sabiex jibagħat tim ta’ esperti biex jevalwaw il-ħsarat ikkawżata min-nar.