Filmat: “Ħallast bl-ogħla prezz, bil-kariga tiegħi” – Il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minkejja li ma xtaqx iħalli l-kariga ta’ Prim Ministru kif se jħalliha, huwa ħallas dan l-ogħla prezz possibbli fir-rigward tal-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Qal li din is-sena, din l-investigazzjoni ħadet pass kbir ‘il quddiem, u issa għandu serħan il-moħħ li għamel dak kollu li seta’ jagħmel.

Fil-messaġġ tiegħu fi tmiem is-sena, il-Prim Ministru rrifletta fuq l-2019, u qal li din is-sena kellu jieħu xi deċiżjonijiet diffiċli, għax ir-responsabbiltà talbet minnu li jagħmel dan, u anke xi kultant għax ma kellux għażla. Fosthom kien hemm id-deċiżjoni li jirreżenja minn Prim Ministru u minn Mexxej tal-Partit Laburista, li ħadha “għax kien hemm bżonn.”

Muscat ammetta li s-suċċessur tiegħu se jkollu biċċa xogħol iebsa mimlija sfidi, iżda wera fiduċja f’min jilħaq li jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna. Fi kliem Muscat, “pajjiżna issa għandu bżonn li jerġa’ jitlaq jiġri.” Qal li jeħtieġ li l-ekonomija tkompli tissaħħaħ, u li proġetti bħall-akkomodazzjoni jkunu l-prijorità. Semma wkoll titjib fil-qasam tat-teknoloġija, fl-edukazzjoni, fis-servizzi tas-saħħa, u investiment fiż-żgħażagħ, fin-nisa.

Fl-aħħar messaġġ tiegħu f’lejlet l-ewwel tas-sena bħala Prim Ministru, Muscat qal li jeħtieġ li l-Maltin jibqgħu pożittivi u ottimisti, u fuq kollox, jibqgħu kburin li huma Maltin. Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’awgurju għas-sena l-ġdida lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.