Filmat: “Ħaddmu għal xahrejn u għax talbu l-paga keċċieh”

L-Arċisqof Charles Scicluna rrakkonta esperjenza ta’ immigrant mill-Kenja li wara xahrejn jaħdem f’bar f’Malta spiċċa tilef xogħolu għax staqsa lil dak li impjegah dwar meta kien se jirċievi l-paga tiegħu.

Hu rrakkonta din l-istorja waqt li kien qed jiġi intervistat live minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Din l-esperjenza waslet għandu mill-immigrant stess li huwa residenti fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, immexxi minn Patri Dijonisju Mintoff. L-Arċisqof żar dan il-post il-ġimgħa li għaddiet fejn iltaqa’ ma’ grupp ta’ immigranti ġejjin minn pajjiżi differenti u li jgħixu flimkien “fil-paċi”.

L-Arċisqof irrakkonta kif immigrant partikolari kien beda jaħdem f’bar partikolari. Hu għamel xahrejn jaħdem hemm, fejn ma rċieva l-ebda paga. Ġurnata minnhom staqsa lis-sid meta kien se jirċievi l-paga tiegħu, iżda s-sid hemm iddeċieda li jkeċċieh għax skontu “ma messux talbu jħallsu” tax-xogħol li kien għamel. Iż-żagħżugħ mar għand Patri Dijonisju u rrakkontalu dak li kien għadu kemm għadda minnu.

Patri Dijonisju ddeċieda li jakkumpanja liż-żagħżugħ fil-bar fejn kien jaħdem biex tissolva l-problema. L-Arċisqof irrakkonta kif l-attitudni tas-sid kienet waħda xejn pjaċevoli. Dan hekk kif is-sid l-ewwel qal li ma kienx jaf min hu ż-żagħżugħ. Wara li Patri Dijonisju urih ritratti li huma prova li dan kien impjegat fil-bar, is-sid qallu “itlaq ‘l hemm u tindaħallix”.

L-Arċisqof irrimarka kif dawn l-affarijiet ma jagħmlux ġid lill-pajjiż. Sostna li anke jekk dan ir-raġel kien qed iħaddem lill-immigrant mingħajr ktieb, huwa ċert li l-paga li kien se jkollu ma kinitx iżjed mill-paga minima. Sostna li din hija problema kbira għal bosta immigranti li hawn Malta. Irrimarka li minkejja li bosta jgħidu li huma kattoliċi, jaġixxu b’mod inġust ma’ dawn il-persuni.

Mons. Scicluna sostna li hu ma jistax jinjora l-preżenza ta’ dawn l-immigranti. Qal iżda li hu għand l-irwol li jgħin lil kulħadd biex jifhem li dawn huma bnedmin ukoll. “Hemm bżonn li nitgħallmu ngħixu flimkien u nirrispettaw lil xulxin. Meta nagħmlu hekk inkunu qed ngħixu ħajja tassew aħjar,” sostna l-Arċisqof. Insista li jekk persuna qed tħabbat fuq l-ixtut tagħna jew qiegħda fostna, ma nistgħux ninjorawha.