Filmat: Ħadd ma nstab responsabbli għall-qtil taċ-ċikonji – BirdLife

Read in English.

L-għaqda BirdLife Malta qalet li ħadd ma nstab ħati għall-qtil taċ-ċikonji li niżlu Malta f’Awwissu tal-2018.

Fi stqarrija l-BirdLife qalet li llum kaċċatur minn Ħad-Dingli nħeles mill-akkużi b’rabta mla-qtil taċ-Ċikonji Bojod fil-“massakru” tas-sena l-oħra minkeja li filmati li ġew ippreżentati fil-Qorti bħala evidenza juru kemm lit-tajr protett jinqatel kuf ukoll persuna b’karkassa f’idejha.

BirdLife qalet li l-Qorti lliberat lill-kaċċatur minħabba li ma setax jiġi identifikat mill-filmati u anke għaliex ma nstabet l-ebda karkassa ta’ Ċikonja Bajda fil-pussess tiegħu.

L-għaqda fakkret li fl-10 ta’ Awwissu 2018 qatgħa ta’ 18-il Ċikonja Bajda (White Stork) niżlet Malta.

“Ftit minuti wara li waslu, ġew sparati tiri lejhom fir-Rabat u Ħad-Dingli. Ċiklist li kien fl-inħawi ffilmja dak kollu li ġara b’action camera u ċempel lil BirdLife Malta u lill-pulizija. Iċ-ċiklist iffilmja kollox, inkluż mill-inqas żewġ Ċikonji Bojod qed jinqatlu u, ftit wara, qabad ukoll persuna fil-filmati qed tiġri b’Ċikonja Bajda mejta f’idejha, qabel ma daħlet fi proprjetà fil-viċinanzi.”

Il-BirdLife qalet li filwaqt li hi waslet fuq il-post fi ftit minuti, il-Pulizija damet siegħa u nofs. Qalet li James Magri ġie mmultat €3,500, itteħditlu l-liċenzja tal-kaċċa għal sentejn u ssekwestrawlu s-senter wara li ammetta li uża s-senter dakinhar.

Il-Conservation Manager tal-BirdLife Malta, Nicoles Barbara qal li, “Din is-sentenza turi l-istat miskin ta’ infurzar li qed tiffaċċja Malta fil-ġurnata tal-lum, u hija konsegwenza tan-nuqqas ta’ riżorsi li għandha l-pulizija biex tiġġieled ir-reati kriminali ambjentali. Meta seħħ dan l-inċident żewġ membri tal-istaff ta’ BirdLife Malta waslu fil-post qabel il-pulizija, wara li huma stess segwew liċ-Ċikonji Bojod minħabba l-periklu li jispiċċaw jinqatlu. Filmati li ġibed b’mod volontarju ċiklist kienu kruċjali biex jiġi identifikat is-suspettat u biex l-inċident isir jaf bih kulħadd. Imma minkejja dan kollu, il-pulizija dakinhar kienu assenti, sa xħin spettur tal-ALE li lanqas biss kien xogħol tfaċċa minn jeddu. Dan kollu wassal għal telf ta’ ħin prezzjuż li seta’ jwassal biex l-akkużat jinqabad fil-fatt jew fil-pussess tal-karkassa.”

Skont il-BirdLife, f’sitwazzjoni bħal din, fejn inċidenti simili se jkomplu jseħħu, hija r-
responsabbiltà tal-Gvern li jagħmel dmiru u jħares in-natura waqt li jiżgura li reati bħal dawn ma jerġgħux iseħħu. Fakkru lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri għad-Drittijiet tal-Annimali li l-Kumitat Ornis approva unanimament il-ħtieġa li titwaqqaf Wildlife Crime Unit, u nappellawlu biex dan il-pjan jinbidel f’azzjoni.

Filmat: BirdLife Malta