Filmat: “Ħadd ma jagħżel li fil-Milied ma jkollux biex jixtri rigal lil bintu” – Il-President

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li ħadd ma jagħżel li fil-Milied ma jkollux biżżejjed flus biex jixtri rigal ċkejken lil bintu. Dan qalitu fl-aħħar indirizz tagħha għall-poplu Malti u Għawdxi fi żmien il-Milied.

Il-President sostniet li ħadd ma jagħżel il-faqar iżda huwa l-faqar li jagħżel il-persuna. Għaldaqstant talbet sabiex jieqaf il-ġudizzju fuq min hu fqir. Fakkret kif fil-Milied, Ġesù għażel li jitwieled ġo għar fil-faqar, iżda l-fqar madwarna ma jagħżlux li jkunu fqar.

“Riżoluzzjoni li nxerrdu kampanja kontra s-swat fuq it-tfal”

Il-President appellat għal riżoluzzjoni sabiex tiġi mxerrda kampanja kontra s-swat fuq it-tfal, li tasal għand kulħadd, b’mod speċjali t-tfal innifishom. Qalet li hemm bżonn ngħidulhom “le ħadd m’għandu dritt isawwtek, anke jekk tagħmel xi ħaġa ħażina, anke biex jikkoreġik.”

Spjegat li t-tfal bejniethom ma jitkellmux biss fuq il-bullying ta’ bejniethom, iżda jitkellmu fuq il-bullying tal-kbar fuqhom, fuq is-swat li wħud minnhom jaqilgħu id-dar.

“Hemm uġigħ li forsi ħloqna aħna stess”

Fil-messaġġ tagħha, il-President sostniet kif hemm uġigħ li ħafna drabi l-bniedem ħoloq hu stess għalih innifsu. Semmiet kif dan minħabba li forsi “bqajna għaddejjin u taparsi ma smajnihiex lill-mara ta’ ħdejna twerżaq għax żewġha qed isawwatha u forsi ma staqsejniex għala dik ix-xwejħa ilha ġimgħa ma tixref imqar fit-tieqa, għax taparsi ma nafux li llejla hemm ftit jew ħafna nies reqdin taħt xi bankina, f’xi karozza jew f’xi garaxx.” Spjegat li huwa pjuttost agħar meta wieħed jiddeċiedi li jinjora lil dik it-tifla li ma waslitx fuq din l-art għax laħqet għerqet.

“Grazzi mill-qalb”

Il-President qalet “grazzi mill-qalb” lill-poplu Malti u Għawdxi li laqgħaha, kien ġentili magħha, fehem il-limitazzjonijiet tagħha bħala President u bħala persuna u ħa sehem b’entużjażmu biex il-ħidma biex isir il-ġid li ma tiqafx tinxtered u titkattar.