Filmat: “Ħadd ħliefek ma seta’ jkanta Shallow miegħi” – Gaga lil Cooper

Lady Gaga lbieraħ rebħet l-Oscar għall-aqwa kanzunetta oriġinali bil-kanzunetta Shallow li kisbet fama kbira meta nstemgħet fil-film A Star is Born ta’ Gaga flimkien ma’ Bradley Cooper, li minbarra li kien il-protagonist mal-kantanta, kien ukoll id-direttur tiegħu.Meta semgħet isimha, Gaga nfaqgħet tibki u għannqet lil Cooper. Waqt id-diskors tagħha hi u taċċetta l-Oscar, Gaga qalet lil Cooper li ħadd aktar ma seta’ jkanta l-kanzunetta magħha ħliefu. Huma kantaw il-kanzunetta flimkien waqt iċ-ċerimonja.Fid-diskors tagħha, Gaga inkoraġġiet lill-udjenza biex temmen fiha nfisha u taħdem u tistinka ħalli tieħu dak li ħaqqha. “Mhux li tirbaħ l-importanti, imma li tistinka u ma taqtax qalbek,” qalet Gaga. Il-premju aċċettatu flimkien mal-kittieba l-oħra tal-kanzunetta Mark Ronson, Anthony Rossomando u Andrew Wyatt.
Il-kanzunetta Shallow rebħet kontra l-kanzunetta All the Stars minn Black Panther, I’ll Fight minn RBG, The Place Where Lost Things Go minn Mary Poppins Returns, u When a Cowboy Trades His Spurs for Wings minn The Ballad of Buster Scruggs.
U l-aqwa attur hu…
Fost ir-rebħiet l-oħra sinifikanti, Rami Malek rebaħ l-Oscar għall-aqwa attur fil-film Bohemian Rhapsody, fejn hu interpreta l-parti tal-kantant Freddie Mercury.
Fid-diskors tiegħu, huwa rringrazzja lil kull persuna f’ħajtu, partikolarment lil Lucy Boynton li kienet tagħmilha tat-tfajla tiegħu fil-film, u li spiċċat l-għarusa tiegħu fil-verità wkoll. Huwa qal kemm ħassu jifhem lill-karattru ta’ Mercury minħabba li hu wkoll kien ġej minn familja ta’ immigranti, bħal Mercury.