Filmat: “Ħa naħdmu mal-Oppożizzjoni biex ikollna Kostituzzjoni ġdida” – PM

“Irridu niddiskutu ma’ kulħadd, fuq kollox mal-Oppożizzjoni, biex nimxu fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali, biex inkomplu bil-bidliet suġġeriti f’ Malta u barra, u jkollna Kostituzzjoni ġdida għal Malta.” Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida 2019.

Dan qalu wara li esperti tal-liġi fl-Unjoni Ewropea saħqu li hemm bżonn bidliet ta’ kif jaħdmu l-president, il-ġudikatura, u l-parlament, fost oħrajn. 

Huwa żied jgħid li l-Gvern ta’ Malta qed jinvesti fil-futur billi jinvesti fl-infrastruttura, u li l-Gvern mhux se joqgħod “ilaqqat” biex jagħmel dan, għaliex is-surplus għalhekk qiegħed. Huwa tkellem dwar it-titjib f’infrastruttura pubblika, bħal power station ġdida, toroq ġodda, impjanti tal-ilma u sistema ġdida ta’ riċiklaġġ.

Fost infrastrutturi oħrajn,tkellem dwar dik edukattiva, fejn qed isir investiment ogħla minn qatt qabel, kif ukoll l-infrastruttura tas-saħħa, fejn se jkun hemm robots jassistu operazzjonijiet, sistema awtomatika ta’ tqassim tal-mediċina, u sptar ġdid tas-saħħa mentali.

Il-Prim Ministru temm il-messaġġ tiegħu billi awgura sena ġdida mimlija risq, hena u saħħa.