Filmat: “Ġwanninu” lura fuq il-palk tal-Oratorju Don Bosco

Meta ttella’ 30 sena ilu, għas-Sena Internazzjonali taż-Żgħażagħ, kien ġie rreklamat bħala “l-ewwel rock-opera Għawdxija”.  Imma s-Surmast Stephen Attard, il-moħħ u l-kompożitur wara Ġwanninu, iktar iħobb isejjaħlu musical semi-klassiku.
Hu x’inhu, din hi l-istorja tat-twajjeb San Ġwann Bosco, li din is-sena tfakkru l-200 anniversarju minn twelidu.  Storja ħelwa ta’ missier u ħabib…fil-fatt l-istess titlu fid-diminuttiv mill-ewwel ifakkrek li Don Bosco għadu maħbub mhux ftit!
L-istorja tiegħu għadha rilevanti, hekk li dan ir-rakkont tagħha bil-mużika u l-lirika, il-kant u ż-żfin mistenni jerġa’ jiġbed ħafna nies lejn il-palk tal-Oratorju Don Bosco fil-Belt Victoria, fejn qed terġa’ tittella’.
Waqt li nżammu fl-oriġinalità tagħhom l-istorja u l-lirika ta’ Dun Effie Masini u Dun Manwel Cordina, u l-kompożizzjoni mużikali ta’ Attard, il-musical ġie rivedut u rrekordjat mill-ġdid fl-istudjows ta’ Philip Vella fil-Mellieħa. 
Id-direzzjoni tal-produzzjoni, li qed tinvolvi kast ta’ ’l fuq minn 100 ruħ bejn kantanti, atturi u żeffiena, tħalliet f’idejn Gordon Grech, waqt li l-istess kompożitur għandu f’idejh id-direzzjoni mużikali.  Il-karattri ewlenin qed jiġu interpretati minn Mario Caruana u Nathan Cini, flimkien ma’ kantanti oħra bħal Pamela Bezzina, Noel Galea, Ruth Portelli u Joseph Refalo.
Ġwanninu kien ittella’ għal rekord ta’ 44 darba fl-1985 u fl-1988.  Fl-istorja tax-xandir lokali kien sar ukoll l-ewwel film mużikali li ġie ffilmjat on location għat-televiżjoni lura fl-1988, li barra fuq l-istazzjon nazzjonali, spiċċa xxandar ukoll fuq it-televiżjoni fl-Italja, fi Spanja, fil-Kanada u fl-Awstralja.
L-ispettaklu ta’ sagħtejn se jsir fit-teatru tal-Oratorju Don Bosco llejla s-Sibt 14 ta’ Novembru fis-7.30pm, b’ripetizzjoni għada l-Ħadd fis-2.30pm u mill-ġdid is-Sibt li ġej fis-7.30pm.
Biljetti mill-Oratorju Don Bosco jew fuq: 21556616; 99487751; odbgozo@yahoo.com.