Filmat: Gvern immexxi minn Fearne ma jdaħħalx l-abort

L-intervista xxandret LIVE fuq Newsbook.com.mt

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Gvern immexxi minnu ma jdaħħalx l-abort f’Malta.

Huwa stqarr dan fl-intervista li xxandret LIVE fuq Newsbook.com.mt lbieraħ fejn sarulu diversi mistoqsijiet minn Fr Joe Borg u minn għadd ta’ persuni li bagħtu l-mistoqsijiet tagħhom.

Chris Fearne qed jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista.

Segwi l-intervista sħiħa
Chris Fearne fuq Newsbook.com.mt

Il-kwistjoni tal-abort issemmiet ħafna fl-aħħar kampanja elettorali li kien hawn f’Malta din is-sena għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan minħabba li l-Partit Soċjalista Ewropew, li tiegħu l-Partit Laburista Malti jifforma parti minnu, kien daħħal l-abort fil-manifest elettorali tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista kien għamel billboards dwar l-abort u l-Kap tal-PN Adrian Delia kien qal li l-elezzjoni ta’ Mejju li għadda kienet se titqies bħala referendum dwar l-abort.

Dan kien wassal għal ċaħda mill-Partit Laburista fil-Gvern bil-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal li l-manifest tal-Partit Laburista ma nkludiex l-abort u għalhekk jista’ jeskludi li l-Gvern se jdaħħal l-abort f’Malta.

Anke l-Kandidati tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba u Robert Micallef kienu qalu li l-Ewropa ma tistax timponi l-abort fuq Malta.