Filmat: Ġurnata Missjunarja b’riżq tfal abbandunati fil-Ghana

Hekk kif il-Ħadd li ġej se jkun Jum Dinji Missjunarju, Missio Malta qed tiġbor donazzjonijiet b’risq Nazareth Home for God’s Children fil-Ghana, li tilqa’ tfal abbandunati mill-familji u l-komunitajiet tagħhom stess minħabba difetti fit-twelid.

F’partijiet tal-Ghana, tfal li jkollhom difetti fit-twelid jiġu assoċjati ma’ spirit ħżiena, u jistgħu anke jiġu meqjusa responsabbli għal xi disgrazzji li jistgħu jiġru.

Dan kien il-każ ta’ Sarah, tifla ta’ 12-il sena li għandha impediment li titkellem, li meta kellha madwar erba’ jew ħames snin ġiet akkużata li hi saħħara u li kkawżat il-mewt ta’ ħmistax-il persuna fil-komunità tagħha.

Ħajjet Sarah spiċċat fil-periklu, imma Swor Stan Therese Mumini, li tmexxi n-Nazareth Home, u l-Knisja lokali fil-Ghana ġew mgħarrfa b’dan, u b’xorti tajba Sarah ġiet salvata mill-aktar destin terribli. Swor Stan tiftakar li kellha tiġġieled, kważi fiżikament, biex tagħti ċans ġdid fil-ħajja lil Sarah.

Kull sena, Ottubru hu ddedikat għall-missjonijiet, bil-Jum Dinji Missjunarju ċċelebrat fil-Ħadd 18 ta’ Ottubru. It-tema ta’ din is-sena hi “La tibżax, għax miegħek jien,” silta mill-Ktieb ta’ Isaija.

Din is-sena, għalhekk, Missio għażlet li tgħin lin-Nazareth Home u lit-tfal vulnerabbli tal-Ghana bid-donazzjonijiet li tirċievi.

Donazzjonijieet jistgħu isiru b’telefonata lil 5170 2063 (€15), 5180 2064 (€25) u 5190 2061 (€50), jew b’SMS fuq 5061 8820 (€6.99).

Aktar informazzjon tinsab fuq il-website www.missio.org.mt jew billi ċċempel fuq 2123 6962.