Filmat: Ġurnalista tirriżenja ‘on-air’ minħabba l-kunflitt fl-Ukraina

Il-ġurnalista ta’ Russia Today, Liz Wahl ħabbret ir-riżenja tagħha mill-istazzjon iffinanzjat mill-Gvern Russu eżatt fi tmiem il-bulettin.
Wahl iddikjarat li bħalma diġà kienet għamlet kollega tagħha ddeċidiet li tirriżenja minħabba li l-istazzjon Russia Today kien qed jimmanipola l-aħbarijiet b’tali mod li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tal-President Russu.
Hija qalet li ma setgħet tkompli taqra dak li ddeskriviet bħala gideb biex jidher sabiħ Vladimir Putin.
Fi tmiem il-bulettin sostniet li temmen li għandha tgħid il-verità u għalhekk ħabbret li kienet se tirriżenja.
Russia Today qed isostnu li Wahl għamlet dan kollu biex issir iżjed popolari.
Għaldaqstant mal-ġurnali, Liz Wahl qalet li t-tmexxija tal-istazzjon tal-aħbarijiet Russia Today jimmanipola l-ħaddiema.
Sostniet li biex ħaddiem jingħata l-promozzjonijiet f’dan l-istazzjon irid iżomm fommu sieket.
Fil-jiem li għaddew, ġurnalista oħra ta’ Russia Today iddikjarat fi tmiem bulettin li ma kinitx taqbel mad-deċiżjoni li jintbagħtu s-suldati Russi fil-Krimea.