Filmat: Ġurnalista ta’ Newsbook imwaqqfa milli tagħmel xogħolha barra d-Dar Ċentrali

Ġurnalista minn din il-kamra tal-aħbarijiet twaqqfet milli tagħmel xogħolha nhar it-Tlieta li għadda, hi u tieħu xi filmati barra d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Attivisti magħrufin li jissapportjaw lill-Kap Adrian Delia, wieħed minnhom eks kandidat għall-kunsill lokali tal-Marsa, bdew jagħmlu għaliha u jippruvaw iwaqqfuha milli taqdi dmirha waqt li kien qed jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit. Meta ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet oħrajn bdew jaqbżu għall-ġurnalista, dawn ġew trattati bl-istess mod.

IĠM u Repubblika jikkundannaw dan l-aġir

L-għaqda mhux governattiva Repubblika kkundannat il-fatt illi fotografu tat-Times of Malta u ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt ġew imwaqqfa milli jaqdu dmirhom, kemm bi kliem vjolenti, u anke billi ppruvaw iwaqqfu lill-ġurnalista milli tiġbed il-filmati fiżikament. Dan ġie kkundannat mill-Istitut Ġurnalisti Maltin ukoll.

Skont Repubblika, dan l-aġir min-naħa tal-attivisti tal-Partit kien ġej minn “xi forma ta’ awtorità mogħtija lilhom mill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa ta’ għajb għat-tmexxija tal-istess partit.” Repubblika qalet ukoll li dan l-ispirtu ta’ intimidazzjoni f’dawn l-aħħar ġimgħat kellu fil-mira tiegħu lil deputati u attivisti li kienu kritiċi lejn it-tmexxija tal-Partit Nazzzjonalista. L-NGO żiedet tgħid li hi tqis dawn il-fatti bħala serji u inkwetanti ħafna peress li dan imur kontra d-demokrazija. Hija esprimiet solidarjetà sħiħa ma’ dawk involuti, u talbet lit-tmexxija tal-PN biex tikkundanna l-aġir u tara li dan ma jerġax jiġri.

Min-naħa tiegħu, l-Istitut Ġurnalisti Maltin qal li qatt mhu aċċettabbli li ġurnalisti jitwaqqfu milli jaqdu dmirhom, peress li dawn għandhom responsabbiltà lejn il-qarrejja tagħhom u l-pajjiż inġenerali biex ikunu preżenti f’avvenimenti sinifikanti. L-IĠM insistiet li l-ġurnalisti għandhom kull dritt jiffilmjaw kulma jidhrilhom li jixraqlu jiġi ffilmjat, partikolarment f’postijiet pubbliċi.

L-IĠM qal li jistenna li l-politiċi jagħtu eżempju u jikkundannaw dan l-aġir fil-konfront tal-ġurnalisti. L-IĠM ikkuntattja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sabiex jinvestiga l-każ u sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji. Talbet ukoll li f’ċirkustanzi bħal dawn, l-uffiċjali tal-Partit jikkordinaw il-midja u mhux iħallu lill-attivisti tagħhom jagħmlu dan. Delia qal li se jinvestiga l-każ u jikkomunika dak li qallu l-IĠM mal-uffiċjali tal-Partit.

X’għamel Newsbook?

Intant, Sylvana Debono, l-Editor in Chief ta’ Newsbook.com.mtikkomunikat mas-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli dwar dak li ġara, u qaltlu li jkun apprezzat li kieku “ikun hemm ftit aktar għajnuna biex inċidenti bħal dawn, li ma jgħinu lil ħadd, ma jseħħux.”