Filmat: Ġurnalist tal-BBC għall-Qorti akkużat li attakka żewġ nassaba f’Għawdex

Il-ġurnalist tal-BBC u attivist favur l-għasafar Chris Packham mistenni jitressaq il-Qorti t’Għawdex għada b’akkużi li attakka żewġ nassaba.
Fuq Twitter, Packham tella’ filmat minn quddiem l-għassa tar-Rabat t’Għawdex u spjega li nżamm arrestat għal sagħtejn minħabba li żewġ nassaba qalu li attakkahom.
Madankollu huwa ċaħad l-akkużi, li uża l-forza kontra xi persuni bl-intenzjoni li jinsultahom jew iweġġagħhom. Huwa saħaq li hu innoċenti.
Fil-filmat huwa jgħid li l-Pulizija mbuttawh it-triq kollha sakemm waslu l-għassa.
Huwa ddeskriva lil Malta bħala dak il-post li tipponta subgħajk lejn xi ħadd li taħseb li huwa suspettat u jispiċċa l-Qorti.
Fi tweet separata, Packham itteggja lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lis-Segretarju Paralmentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes u staqsiehom x’għamlu fil-konfront taż-żewġ nassaba. Huwa wieġeb id-domanda tiegħu stess billi qal li aktarx ma għamlu xejn.
Fil-ħidma tiegħu l-ġurnalist, kien fuq quddiem nett sabiex jikxef l-insib illegali f’Malta u f’Għawdex, tant li huwa mhux l-ewwel darba li qatta’ xi sigħat fil-kustodja tal-pulizija minħabba f’hekk.
Fl-2014 huwa kien qatta’ għadd ta’ sigħat arrestat.
Dakinhar twitter kien sploda bil-#freechrispackham u fi ftit sigħat kienu nġabru €50,000 għalih.  
“L-aġir ta’ Chris Packham huwa tal-mistħija” – FKNK 
Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li l-ġurnalist Chris Packham u turisti oħrajn iridu jifhmu li l-atteġġjament neo-kolonjalist tagħhom m’għadx għandu post fid-dinja ta' llum.
Qalet li hija tal-mistħija li dawn it-tip ta' persuni jinġiebu Malta mill-Birdlife Malta, li jkomplu b’hekk jipprovaw jagħmlu ħsara lil Malta anki barra minn Malta.
Hija faħħret l-aġir tal-Pulizija, li għada se tmexxi każ kriminali kontra Packham fil-Qrati t'Għawdex.