Filmat: Grupp ta’ immigranti rilokati lejn Franza

Read in English.

Illum grupp ta’ immigranti kienu rilokati minn Malta lejn Franza. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern li spjega li r-rilokazzjoni saret bi ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi maħsub biex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni minn fuq Malta. Dawn telqu minn Malta dalgħodu permezz ta’ titjira diretta lejn Pariġi u se jkunu qed ikomplu bil-proċess tal-ażil fi Franza.

Kien spjegat li t-trasferiment tal-immigranti seta’ jsir wara li saru l-preparamenti meħtieġa mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, l-Ambaxxata Franċiża f’Malta u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM). Dawn il-preparamenti kienu jinkludu wkoll eżamijiet mediċi sabiex jassiguraw li ħadd mill-immigranti mhu pożittiv għall-COVID-19.

Il-Ministeru qal ukoll li hemm ħidma għaddejja sabiex mijiet ta’ immigranti oħra jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.

Ir-rilokazzjoni tal-lum saret fl-istess waqt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda fil-proċess li tniedi politika aġġornata dwar l-immigrazzjoni. Intqal li l-Gvern Malti jemmen li l-qsim tar-responsabbiltà tal-immigranti huwa parti mis-soluzzjoni sabiex Malta ma terfax il-piż tal-immigrazzjoni waħidha.