Filmat: Grupp ieħor ta’ immigranti jitilqu minn Malta

Grupp ieħor mill-persuni li ġew salvati mill-bastiment MV Aquarius telqu lejn il-Ġermanja biex jibdew ħajja ġdida hemm hekk ilbieraħ. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern.

141 persuna li fosthom kien hemm 38 tifel u tifla taħt l-età ta’ 15-il sena kienu salvati f’Awwissu li għadda, meta l-Aquarius salva żewġ dgħajjes li kienu mgħobbija bin-nies li ħarbu mil-Libja f’żewġ opperazzjonijiet separati fl-ibħra internazzjonali bejn Malta u l-Italja. Il-bastiment MV Aquarius huwa mmexxi minn SOS Mediterranee u Medicins Sans Frontiers (MSF).

Fi stqarrija l-Gvern qal li r-rilokazzjoni ta’ dawn il-persuni kienu riżultat ta’ diversi arranġamenti li għamlet Malta ma’ pajjiżi oħra u li dalwaqt se jiġu konklużi. L-immigranti kienu assisti mill-awtoritajiet lokali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni kif ukoll mill-uffiċjali tal-Ambaxxata Ġermaniża f’Malta.

S’issa l-Lussemburgu kienet ħadet grupp ta’ nies fid-9 ta’ Settembru, filwaqt li Franza kienet ħadet l-ewwel grupp ħmistax wara li l-persuni salvati niżlu Malta.