Filmat: “Grech u Delia kontributuri għan-nuqqasijiet tal-MONEYVAL” – il-PM

Aġġornat 09:20 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u qablu Adrian Delia kienu kontributuri għan-nuqqasijiet tal-MONEYVAL. Mal-ġurnalisti, il-PM qal li fin-nuqqasijiet li nsabu mill-MONEYVAL, Malta laħqet ir-rekwiżiti kollha u l-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli biex jgħaddi minn dan it-test.

Qabel daħal fil-Parlament għall-ewwel seduta wara l-vaganzi tas-sajf, il-PM qal li wieħed min-nuqasijiet ewlenin li sabu l-MONEYVAL kien dak li l-awtoritajiet tat-taxxa ma jresqux lil min ma jħallasx it-taxxa l-Qorti iżda minflok jagħmlu arranġament amministrattiv biex it-taxxa titħallas. Il-PM qal li “ironikament dan huwa dak li għamel il-Kummissarju tat-Taxxa mal-Kap tal-PN”.

Il-PM jwieġeb dwar il-proposti ta’ Bernard Grech

Il-PM wieġeb ukoll dwar il-proposti ta’ Bernard Grech li llejla ġew ippubblikati fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook:

Nilqa' l-istedina li għamilli l-Mexxej Laburista Robert Abela għal-laqgħa fil-jiem li ġejjin. Jien se nieħu din…

Posted by Bernard Grech on Monday, October 5, 2020

Dr Grech stieden lilu nnifsu f’Kastilja…F’Kastilja, Dr Grech ikun jista’ jidħol meta jirbaħ Elezzjoni Ġenerali.

-Il-PM Robert Abela

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru reġa’ tenna l-mistoqsija tiegħu lil Bernard Grech biex jgħid jekk Malta hiex “Full-Up” jew le fl-istess waqt li l-PM sostna li Malta hija “Full-Up”.

Huwa ma qabilx mal-proposta ta’ Bernard Grech li jagħmel konferenza nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni. Il-PM qal li sakemm issir il-konferenza jibqgħu deħlin id-dgħajjes.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal jemmen li s-soluzzjonijiet għal din is-sitwazzjoni għandhom jissawwru bl-aħjar konsensus nazzjonali possibbli. Il-PN spjega li l-proposta għal konferenza nazzjonali hija intiża li ġġib flimkien l-istakeholders kollha – politiċi, MEPs u rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, Kunsilli Lokali, awtoritajiet, unjons, employers, soċjetà ċivili, għaqdiet. Irridu li b’mod informat u oġġettiv nevalwaw is-sitwazzjoni u nħejju l-bażi għal proposti nazzjonali bi djalogu ma’ kulħadd.

Dwar il-proposti l-oħra, il-Prim Ministru qal li Bernard Grech ma skopriex l-Amerika.

Il-PM tkellem ukoll dwar l-inkjesta pubblika mitluba mill-Kap tal-PN. Qal li Bernard Grech għandu jmur quddiem Maġistrat Inkwirenti jekk għandu xi allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-kuntratt tal-Power Station tal-Electrogas.

Qal li biex isir hekk, l-att li jkun qed jallega dwaru jrid ikun reat li jġorr piena ta’ aktar minn tliet snin priġunerija u li hemm provi x’jistgħu jiġu priservati. Saħaq li dan huwa obbligu ta’ Grech jekk għandu xi provi ta’ korruzzjoni.

“Ritratt tal-okkażjoni u l-ebda diskussjoni” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li dan hu Prim Ministru li jrid biss ritratt tal-okkażjoni u ma jrid jiddiskuti xejn mill-issues li qed jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi.

Grech qal li l-Gvern fl-aħħar stenbaħ u ħabbar investigazzjoni fuq dak li għaddej fid-djar tal-anzjani li ħalla numru ta’ mwiet. Qal li din l-investigazzjoni messha ilha li saret u llum missna qed nitkellmu fuq soluzzjonijiet u mhux għadna se nibdew ninvestigaw. Grech reġa’ tenna li s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jwarrab u dan jagħmlu b’apoloġija lejn il-familjari li tilfu l-għeżież tagħhom.